X’sinifikat fiha l-istatwa li l-Arċisqof ippreżenta lill-awtoritajiet?

Ilbieraħ, waqt il-bdil tal-awguri tal-Milied u s-Sena l-Gdida, l-Arċisqof Charles Scicluna ppreżenta replika tal-istatwa ta’ Kristu Re li mitt sena ilu kienet qajmet kontroversja sħiħa
Meta l-artist Malti, b’fama internazzjonali, Antonio Sciortino ħadem din l-istatwa, kien tbiegħed mill-istil barokk, li f’Malta baqa’ assoċjat, anke sal-lum, mal-arti sagra, għal arti aktar kontemporanja li tirrifletti żmien ta’ bidla kemm fil-knisja lokali ta’ dak iż-żmien u anke fis-soċjetà kollha kemm hi. Dan ma kienx niżel tajjeb ma' kulħadd.
Dan il-monument, illum meqjus fost l-isbaħ f’Malta, sar biex jibqa’ tifkira tal-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li kien sar f’Malta fl-1913.
Dan kien tmexxa mill-Kardinal Domenici Ferrata, legat tal-Papa San Piju X. Il-Maltin, immexxija mill-Isqof Pietro Pace kienu ċċelebraw bil-kbir dan il-Kungress, xhieda tad-devozzjoni u l-imħabba tagħhom lejn l-Ewkaristika.
F’Malta, matul dawk il-jiem, kien hawn erba’ Kardinali u xejn inqas minn 53 Isqof.
Dan il-monument, fis-sempliċità nobbli tiegħu, jippreżenta lill-Kristu Re, miexi, ibierek lill-poplu. Iżda forsi l-aktar ħaġa sinifikattiva f’dan il-monument hija l-figura ta’ Malta, li qed tqimu waqt li titolbu.
Għalhekk, apparti xi ħaġa kommemorattiv, dan huwa meqjus bħala monument li jiċċelebra l-fidi qawwija tal-Maltin li dejjem żammew sodi meta l-fidi tagħhom kienet mhedda.
Dan il-monument kien ġie inawgurat fit-30 ta’ Diċembru tal-1917 wara purċissjoni mill-Kon Katidral ta’ San Ġwann u ċelebrazzjoni li saret quddiemu. Dakinhar, waqt l-inawgurazzjoni, il-knejjes kollha ta’ Malta daqqew mota ta’ ferħ.
L-Isqof Mauro Caruana kien qabbel il-Kungress Ewkaristiku mal-miġja ta’ San Pawl f’Malta.