X’se jkun hemm ġdid f’din l-elezzjoni?

Għalkemm l-elezzjoni li ġejja se tkun it-23 elezzjoni ġenerali fl-istorja ta’ Malta, xorta se jkun hemm innovazzjonijiet fil-jum tal-votazzjoni u fil-proċess elettorali.

Il-Kummissjoni Elettorali ħabbret li bi qbil mal-partiti politiċi, tneħħiet il-liġi li ħwienet li qegħdin mill-inqas 50 metru l’bogħod minn post tal-votazzjoni jkollhom jagħlqu. B’hekk kull negozju f’din l-akwata jista jiftaħ, b’eċċezzjoni għall-każini politiċi. Madankollu mhux permess li n-nies jinġemgħu fuq il-bankina tal-ħanut.

F’postijiet tal-votazzjoni fi sptarijiet, għall-ewwel darba mhux se jkun hemm bordijiet bl-istampi tal-kandidati minħabba problema ta’ spazji u loġistika. Għaldaqstant, se jkun hemm l-użu tat-teknoloġija permezz ta’ laptops u screens.

Dan minħabba l-fatt li għall-elezzjoni tal-kunsilli lokali ta’ din is-sena, se jerġa jidħol il-kunċett ta’ mixed boxes għall-anzjani u residenti tal-isptar Mater Dei, Karin Grech, Monte Carmeli, St Vincent De Paule, u l-isptar Ġenerali t’Għawdex.

Għall-ewwel darba fl-istorja, dawk eleġibbli li jivvutaw mhux se jkun determinat mir-reġistru elettorali li joħroġ f’April jew f’Ottubru, biex minflok jidħol fis-seħħ dak li jissejjaħ ‘rolling register’. Dan jinkludi kull min jagħlaq 18-il sena sa’ ġurnata qabel l-elezzjoni.

Din il-miżura tat il-vot lill-2000 żagħżugħ li kieku bil-mod tradizzjonali ma kienx ikollhom jedd jivvotaw.

Għall-ewwel darba f’elezzjoni ġenerali, saret possibli li wieħed jivvota ġimgħa qabel minħabba safar. Din il-proċedura ilha ssir mill-2009 l’hawn u saret għar-referendum tad-Divorzju, għall-Kunsilli Lokali u għall-Parlament Ewropew.