X’se jagħmlu t-tfal tal-iskejjel nhar il-Erbgħa fid-9am?

Tfal tal-iskejjel Maltin se jkunu qed jingħaqdu ma’ miljun tifel u tifla minn madwar id-dinja meta nhar il-Erbgħa se jitolbu r-rużarju għall-paċi fid-dinja.
Din l-inizjattiva ttieħdet minn Aid to the Church in Need (Malta) u għal sena oħra qed tistieden lill-iskejjel biex jingħaqdu ma’ tfal minn 69 pajjiż ieħor.
Fi stqarrija, l-Aid to the Church in Need fakkret li din is-sena qed jitfakkar l-ewwel ċentinarju mid-Dehriet ta’ Fatima u l-Madonna kienet ħeġġet lil Luċija, Franġisku u Ġjaċinta biex jitolbu r-Rużarju fi żmien meta d-Dinja kienet taħt it-theddida tal-Ewwel Gwerra Dinjija.
Tkompli tgħid li din is-sena, l-inizjattiva hija iżjed importanti minn qatt qabel meta “qed niffaċċjaw il-periklu mifrux tal-gwerer u l-produzzjoni ta’ armi nukleari."
Għalhekk, diversi skejjel, nhar il-Erbgħa fid-9am se jingħaqdu f’talba waħda għall-paċi.
Aid to the Church in Need qed toffri wkoll kuruni tar-rużarju bla ħlas lil kull min irid.