“X’qed jipprova jiskopri l-Gvern mill-Facebook tal-Maltin?”

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista Francis Zammi Dimech staqsa x'qiegħed jitlob minn Facebook li jkun jaf dwar il-Maltin l-Gvern.
Fi stqarrija, Francis Zammit Dimech qal li l-Gvern Malti ghamel 146 talba lil Facebook għall-informazzjoni matul l-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra. Facebook ipprovda din l-informazzjoni f’60% tal-każi.
Zammit Dimech staqsa wkoll x’kienu dawk l-40% tat-talbiet li Facebook għażel li ma jagħtix informazzjoni lill-Gvern Malti.
Cambridge Analytica
Il-MPE qal li s-6,000 Maltin li l-informazzjoni tagħhom ingħaddiet minn Facebook għand Cambridge Analytica għandhom kull dritt li jkunu jafu kif u għaliex din l-informazzjoni għaddiet għand terzi persuni, għand min finalment ġiet mgħoddija u għal liema skop intużat.
Id-dejta li Facebook għadda lill-kumpanija ta’ konsultazzjoni politika Cambridge Analytica kienet ġejja minn madwar 87 miljun profil ta’ persuni, mingħajr l-approvazzjoni tagħhom.
Fl-istqarrija tiegħu, Francis Zammit Dimech qal li “fil-każ ta’ Malta, s-sitwazzjoni hi ferm aktar serja meta wieħed jara r-relazzjoni li teżisti bejn Cambridge Analytica u l-kumpanija Henley & Partners, li ntgħażlet mill-Gvern Malti biex tbiegħ il-passaporti Maltin, u li, kif ammetta l-Kap Eżekuttiv tal-istess kumpanija, għandu relazzjoni tajba ħafna mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.”
Isle of MTV
Francis Zammit Dimech staqsa wkoll għaliex il-Gvern Malti qed jinsisti li jingħata l-informazzjoni personali dwar kull min jattendi l-kunċert internazzjonali Isle of MTV.
Għal dawn l-aħħar 17-il sena, l-Isle of MTV, il-kunċert li annwalment iġib f’Malta kantanti rinomati, qatt ma kellu sistema tal-biljetti.  L-avukat Dr Michael Zammit Maempel, li jispeċjalizza fil-liġi tal-protezzjoni tad-data, spjega ma’ Newsbook.com.mt li hemm modi oħrajn, minbarra l-bejgħ tal-biljetti, kif wieħed jista’ jassigura li ma jkollux aktar nies milli suppost fuq il-Fosos tal-Furjana.