X’qed isir għall-istudenti universitarji li jipparkjaw tas-Sliema u l-Gżira?

Il-Bicycling Advocacy Group (BAG) qed jappella lill-Ministru tat-Trasport biex ifittex ilesti x-xogħol li qed isir fir-roundabout taħt il-flyover tal-Kappara, li qed ixxekkel u jipperikola t-triq li ħafna studenti u impjegati tal-Università jużaw meta ma jsibux jipparkjaw l-Imsida, u jkollhom jimxuha minn tas-Sliema jew il-Gżira.
Il-grupp, li jaqbeż għad-drittijiet ta’ min jivjaġġa b’mod alternattiv minflok bil-karozza, spjega fi stqarrija li l-iktar rotot prattiċi għall-istudenti u l-impjegati tal-università li jipparkjaw tas-Sliema jew il-Gżira huma min-naħa tal-Kappara, fejn għaddejjin l-imsemmija xogħlijiet, u l-passaġġ ta’ taħt il-mina tal-iskatepark, li wkoll trid titranġa minħabba li qed tegħreq kull darba li tagħmel ix-xita.
Żied jgħid li l-Gvern qed jirrepeti l-istess żbalji li għamel meta kienu qed isiru xogħlijiet fuq ir-roundabout tal-Gudja, u n-nies kellhom jimxu fit-triq hekk kif il-bankini ngħalqu mill-kuntrattur.  
Il-grupp saħaq li jekk il-Gvern irid inaqqas l-użu tal-karozzi, anke għal distanzi qosra, irid jaħseb għal nies li jimxuha għax-xogħol, jew juża r-rota, imqar b’mod temporanju, minflok jaħdem biss fuq il-karreġġati tal-karozzi.