X’jidhrilhom l-Ewroparlamentari Maltin minn kif inti tixtri onlajn?

L-Ewroparlamentari li tkellmu waqt il-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew sabiex jitneħħa l-geoblocking, kollha ġibdu ħabel wieħed, qablu mat-tneħħija ta’ dil-prattika.
Il-geoblocking, jiġifieri l-imblukkar ġeografiku, huwa meta siti tal-internet ma jippermettux lix-xerrejja biex jixtru minn pajjiż ieħor.
Fi studju tal-Kummissjoni Ewropea, 63% tas-siti tal-internet kienu jinfurzaw l-imblukkar ġeografiku fuq ix-xerrejja, li meta kienu jaċċessaw dawn is-siti biex jixtru xi prodott kienu jispiċċaw jintbagħtu lura fuq xi sit lokali jew saħansitra lanqas ikollhom aċċess għas-sit oriġinali.
Għall-prodotti tanġibbli, l-imblukkar ġeografiku kien l-ogħla għall-apparat elettriku tad-dar (86%), filwaqt li fir-rigward tas-servizzi kienu r-riżervazzjonijiet bl-internet ta’ attivitajiet ta’ divertiment, bħal biljetti għal avvenimenti sportivi (40%).
L-Ewroparlamentari Laburista, Marlene Mizzi, sostniet li jekk issir il-leġiżlazzjoni biex jitwaqqaf l-imblukkar ġeografiku, mela l-kumpaniji ma jkunux jistgħu jibqgħu jwaqqfu lill-konsumaturi milli jaċċessaw jew jixtru prodotti onlajn, jew li jiġu mitluba prezzijiet eċċessivi sempliċiment għax qegħdin jgħixu jew joqogħdu fi Stati Membri differenti tal-UE.
Temmet tgħid li l-vot li ħadu l-MEPs juri kemm qegħdin hemm biex xogħolhom jinħass miċ-ċitadini.
Imbagħad tkellmet l-Ewroparlamentari Nazzjonalista, Roberta Metsola, li fakkret f’meta tneħħew it-tariffi tar-roaming, u qalet li dan issa huwa l-ostaklu diġitali li jmissu jintgħeleb fl-Unjoni Ewropea.
Finalmet, David Casa enfasizza li l-kunċett tal-imblukkar ġeografiku jmur kontra l-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropeja, għaliex jillimita l-moviment ħieles tal-merkanzija u s-servizzi bejn il-pajjiżi membri.
Żied jgħid ukoll li dan il-kunċett jeqred il-prinċipju tas-suq ħieles, li jiggarantixxi li kull ċittadin fl-UE għandu l-istess drittijiet meta jiġi biex jixtri.
F’Novembru li għadda l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni kienu diġà laħqu kompromess dwar it-test finali tal-leġiżlazzjoni.
Saanittant, fil-vot li tteħed kien hemm 557 favur, 89 kontra u 33 astensjoni.
Dawn huma r-regoli li tressqu fil-Parlament Ewropew,  li ġew approvati bil-vot, issa jonqos li jiġu approvati mill-Kummissjoni Ewropea:

  • Ix-xerrejja se jkunu jistgħu jixtru fuq l-internet fl-UE mingħajr ma jkunu mblukkati jew awtomatikament mibgħuta fuq sit ieħor
  • Il-kummerċjanti se jkollhom jittrattaw ix-xerrejja bl-istess mod bħal dawk lokali, billi jagħtuhom aċċess għall-istess prezzijiet
  • It-trattament diskriminatorju ta’ xerrej abbażi tal-post li fih inħarġet il-karta ta’ debitu jew ta’ kreditu tiegħu se jkun ipprojbit ukoll

Ladarba tidħol il-liġi fis-seħħ, ix-xerrejja bl-internet ikollhom aċċess trans-konfini usa’ għal prodotti, rizervazzjonijiet ta’ lukandi, kiri ta’ karozzi, festivals tal-mużika jew biljetti għal parkijiet tad-divertiment fost oħrajn.