X’inhi u għalfejn se titneħħa l-mutilazzjoni tal-organi ġenitali tal-mara?

Il-grupp Parlamentari Laburista ressaq abbozz ta’ liġi għal quddiem il-Parlament biex tiġi pprojbita l-mutilazzjoni tal-organi ġenitali tal-mara. Iżda forsi huma ftit li jafu eżattament x’tinvolvi din it-tradizzjoni li hija komuni ferm f’pajjiżi Afrikani.

Il-Mutilazzjoni tal-organi ġenitali tal-mara, jew kif inhi magħrufa, il-Female genital mutilation (FGM), hija forma oħra ta’ ċirkumċiżjoni femminili. Dan il-proċess jinvolvi t-tneħħija totali jew parzjali tal-organu sesswali tal-mara mingħajr ebda raġuni medikament valida.

L-FGM hija pprattikata f’bosta gruppi etniċi f’minn tal-inqas 28 pajjiż, bil-maġġoranza tagħhom fl-Afrika. F’ħafna mid-drabi, din l-operazzjoni ssir fuq tfajliet li għandhom bejn erbgħa u għaxar snin. Fil-maġġoranza tal-każi, din issir mingħjar loppju bl-użu ta’ mus jew imqass.

Mal-125 miljun tifla fl-Afrika għaddiet minn din il-mutilazzjoni. Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet ppreżentata din il-mozzjoni, il-Membru Parlamentari Chris Fearne qal li madwar 80% tat-tfajliet fl-Eġittu għaddew minn din l-operazzjoni.

Wieħed forsi jistaqsi għalfejn liġi bħal din għandha tiddaħħal f’Malta, dan ladarba din it-tradizzjoni hija komuni l-aktar f’pajjiżi Afrikani.

Chris Fearne qal li din il-liġi se titressaq fil-kuntest li f’Malta dejjem qed tiżdied il-preżenza tal-immigranti irregolari li ġejjin minn pajjiżi Afrikani. Minkejja li ma tax dettalji ta’ kemm verament huma komuni dawn il-każijiet f’Malta, Dr Fearne qal li din il-liġi se tkun qed tikriminalizza lil kull min iwettaq din l-operazzjoni.

Il-Ġnus Maqgħuda ilha mill-1970 tipprova tneħħi għal kollox din il-prattika. Filwaqt li fl-2012, 54 pajjiż Afrikan beda jippreżenta l-ewwel dokumenti biex dan l-eżerċizzju jiġi kkriminalizzat.