X’inbidel fil-ħobża Maltija?

Hija r-riċetta u l-għamla tad-dqiq l-elementi li jagħtu l-karatteristiċi uniċi lill-ħobża Maltija. Bosta llum b'mod nostalġiku jargumentaw li l-ħobża Maltija illum hija differenti minn dak li kienet fil-passat. Dan filwaqt li fil-manifattura tal-ħobża Maltija baqgħu jintużaw karatteristici tradizzjonali bħal ma hija t-Tensila (Mother Dough) li hija parti mill-għaġina tal-ġurnara ta' qabel.
Dan ħareg waqt diskussjoni pubblika bit-tema Il-Hobża: Bejn storja u miti li kienet organizzata nhar il-Ġimgha 13 ta' Ottubru 2017 fis-sede tas-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan f'Hal Qormi.
Din id-diskussjoni tat bidu tal-attivitajiet li ġew ċċelebrati f'Ħal Qormi fi tmiem il-ġimgħa, Lejl f'Casal Fornaro. F'din id-diskussjoni pubblika ppartecipaw l-istudjuż tal-gastronomija Dr Noel Buttiegieg, ir-riċerkatur Vince Peresso kif ukoll il-furnara veterani Qriema  Nenu Debono u George Farrugia.
Kienu diversi l-interventi kemm mill-esperti kif ukoll mill-pubbliku preżenti li minnhom ħareġ li l-ħadma tal-ħobż f'Malta għaddiet minn fran ta' għamliet differenti. Minkejja li llum il-ħobża m' għadiex l-ikel prinċipali tal-poplu kif kienet fis-snin l-imgħoddija, il-ħobża Maltija ghada mfittxija minn bosta inkluż turisti li jżuru pajjiżna. Il-ħobża Maltija tiġbor fiha identità fost l-oħrajn ta' prodott b'qoxra li tqarmeċ u bit-toqob fl-għaġna fuq ġewwa. Huwa dawn il-karatteristiċi li jagħmlu l-ħobża Maltija prodott uniku minn ħobż ieħor.
Finalment id-diskussjoni għalqet b'ideat preżentati mill-kok Louis Micallef li preżenta ideat ta' kif wieħed jista' jiprepara ikliet żgħar bl-involviment ta' ħobż differenti. Din id-diskussjoni ġiet organizzata mill
Kummissjoni Kultura u l-Kummissjoni Nisa Qalbisti fi ħdan is-Socjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan. Id-diskussjoni ttellgħet bil-kollaborazzjon ta' Maypole Bakeries.
Dan l-ikel u ħafna aktar kien ukoll ippreżentat waqt il-11-il edizzjoni ta' Lejl f'Casal Fornaro, nhar is-Sibt 21 ta' Ottubru.