X’ġara nhar il-Ħadd fit-trakka tax-Xħajma?

Il-Gozo Motocross Association kompliet il-programm tagħha nhar il-Ħadd li għadda fit-trakka ta’ Xħajma.
Il-ħames rawnd bdiet bi Klassi C fejn is-sewwieq ġdid u żagħżugħ, Glenn Vella, għamel suċċess minn din it-tieni parteċipazzjoni tiegħu hekk kif akkwista punti massimi fil-kategorija tiegħu. Huwa saq maġenb is-sewwieq renjanti Anthony Fenech u kif ukoll ma’ Matthew Buttigieg, li huwa wkoll pjuttost ġdid.
Sfortunatament, Matthew Spiteri li kien sejjer tajjeb ferm speċjalment fl-ewwel heat, żviluppa ħsara teknika fil-mutur tiegħu u kellu jieqaf.  F’din il-klassi, Vella daħal l-ewwel post segwit mill-qrib minn Buttigieg. Warajhom daħal il-veteran Mark Camilleri fuq YZ 125cc.
Fi Klassi B rebaħ Nataniel Camilleri segwit ukoll minn Jorn Stellini. Sadanittant matul il-kompetizzjoni ta’ klassi A kien hemm ukoll kompetizzjoni interessanti bejn Steve Xuereb, Etienne Bigeni u David Dimech li lkoll ddominaw Klassi A. Infatti Xuereb daħal fl-ewwel post segwit minn Bigeni. Dimech ġie fit-tielet post.
Il-Viċi President tal-għaqda, Jesmond Bigeni ppreżenta trofej lir-rebbieħa kollha.
Il-Gozo Motocross Association  tavża li l-kwart finali tal-Yamaha Championship 2018 se tkun nhar il-Ħadd 11 ta’ Marzu 2018 fit-trakka Ta’ Xħajma. Il-kompetizzjonijiet jibdew fis-siegħa ta’ waranofsinhar.
L-assoċjazzjoni tħeġġeġ biex aktar sewwieqa jingħaqdu fl-għaqda.
Aktar tagħrif hawn.