X’ġara dakinhar li nstabet il-kelba mejta fil-baħar?

Dwar il-każ tal-kelba li tħalliet tmut fix-Xatt tal-Marsa, sorsi qrib id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (DPĊ) qalu li huma jassistu lid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, fejn ikun hemm bżonn u fejn ma jkunx jista’ jasal waħdu.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-sorsi qalu li d-DPĊ hu obbligat jipprovdi l-aċċess lill-uffiċjali tal-Animal Welfare, iżda mhux li jmorru huma l-ewwel fuq il-post.
L-istess sorsi rrakkuntaw li dwar dan il-każ, oriġinarjament daħlitilhom telefonata l-Ħamis 14 ta’ Jannar filgħaxija, meta raġel qalilhom li kien hemm kelb fuq tyre mal-moll tal-Marsa.
Spjegaw li dak il-ħin irreferewh għad-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali minħabba li l-kelb kien f’post li għalihom kien aċċessibbli. Madanakollu r-raġel weġibhom li kien diġà ċempel lil tal-Animal Welfare u qalulu biex iċempel lid-DPĊ.
Qalu li dak il-ħin uffiċjal tad-DPĊ ċempel lil tal-Animal Welfare u spjegalhom li l-kelba ma kinitx fil-baħar u għadda l-każ f’idejhom.
Żiedu jgħidu li minkejja dan, reġgħu rċevew telefonata oħra dwar l-istess każ il-Ġimgħa 15 ta’ Jannar għall-ħabta tas-12.45 ta’ wara nofsinhar. Immedjatament marru bid-dinghy biex jiġbru l-kelba li kienet diġà mejta u li jidher li nġarret bil-kurrent f’nofs ta’ baħar.
Is-sorsi sostnew lil kienu huma stess li ġabru l-kelba mill-baħar u x’ħin waslu mal-moll għaddewha f’idejn l-uffiċjali tal-Animal Welfare.
Ma’ Newsbook.com.mt, is-sorsi spjegaw ukoll li riċentament sar seminar ta’ ġimgħa dwar kif l-uffiċjali tal-Animal Welfare għandhom iġibu ruħhom mal-klieb u qtates li jkollhom bżonn l-għajnuna, kif ukoll dwar kif uffiċjali tad-DPĊ u dawk tal-Animal Welfare jistgħu jassistu lil xulxin.
Sorsi qrib l-Animal Welfare lbieraħ qalu ma' Newsbook.com.mt li ż-żewġ uffiċjali li ġew sospiżi dwar il-każ ma kinux obbligati jaqbżu l-baħar biex isalvaw il-kelba.