Filmat: X Factor: “Kulħadd jibża’ minnu dan il-Bootcamp”

L-erba’ membri tal-ġurija ddeliberaw bejniethom u jidhru determinati li jgħollu l-livell fl-edizzjoni ta’ din is-sena tal-programm X Factor. Dawk li għaddew mill-fażi tal-auditions issa nqasmu fi tliet gruppi.

Dawk li kkonvinċew lill-ġurija li huma lesti, jgħaddu għat-tieni fażi tal-Bootcamp u se jieħdu sehem fil-Wall of Songs. Dawk li se jkunu f’din il-fażi se jagħżlu kanzunetta li hemm fuq il-ħajt bl-ismijiet ta’ kanzunetti u jsibu żewġ parteċipanti oħra li jkunu għażlu l-istess kanzunetta biex jaħdmu bħala tim u jerġgħu jidhru l-għada quddiem il-ġurija.

Hemm dawk li se jitpoġġew fi gruppi, imbagħad hemm dawk li l-erba’ membri tal-ġurija jħossu li għadhom inċerti u se jkunu jridu jerġgħu jisimgħuhom.

“Kulħadd jibża’ minnu dan il-bootcamp. Kulħadd jaf x’ġara s-sena l-oħra”, ikkummenta Howard. Mhux kulħadd jaċċetta l-proposta tal-ġurija, fosthom Vanessa, li ma tħosshiex komda tkun fi grupp. Għaldaqstant l-avventura tagħha fil-programm tieqaf hawn.

Tibda l-isfida tal-kantanti li l-ġurija għadha mhix konvinta minnhom.

It-tfajliet kantaw. Għal uħud minnhom, il-parteċipazzjoni tagħhom f’X Factor waqfet hawn.

Ikantaw ukoll l-irġiel. Dawn għandhom kanzunetta differenti minn dawk li kellhom il-parteċipanti tfajliet. Ikantaw u d-deċiżjoni tittieħed hekk kif il-vjaġġ f’din il-kompetizzjoni tieqaf hawn għal uħud minnhom.

Fi kliem Howard stess, “Kollox jista’ jinbidel fil-bootcamp”.