X’aktarx li l-mexxej tal-Istat Iżlamiku nqatel mir-Russja

Il-Ministeru għad-Difiża Russu qed jinvestiga jekk f’wieħed mill-attakki mill-ajru li twettaq fis-Sirja nqatilx il-mexxej tal-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu bħala l-Istat Iżlamiku, Abu Bakr al-Baghdadi.
Fi stqarrija l-Ministeru Russu qal li hemm probbabiltà li f’attakk li twettaq fit-28 ta’ Mejju, inqatel al-Baghdadi flimkien ma’ 330 militant ieħor.
Qal ukoll li dan l-attakk kellu fil-mira tiegħu laqgħa tal-kunsill  militari tal-Istat Iżlamiku f’Raqqa, meqjusa bħala l-belt kaptali tal-grupp, li tinsab fit-tramuntana tas-Sirja.
Fl-aħħar jiem ħarġu diversi rapporti dwar jekk inqatilx al-Baghdadi jew le.
Intant il-Kulunell John Dorrian, il-kelliem tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti li qed tiġġieled lill-Istat Iżlamiku fis-Sirja, qal li ma jistax jikkonferma jekk al-Baghdadi nqatilx jew le.
S’issa ma kien hemm l-ebda kumment uffiċjali mill-Gvern Sirjan dwar dan.