Woodburn iġedded ma’ Liverpool

L-attakkant żagħżugħ ta’ Liverpool, Ben Woodburn, għadu kemm iffirma kuntratt fit-tul mar-Reds, skont dak li rrappurtat il-gazzetta Express.
Il-plejer, li għadu kemm għalaq 18-il sena, kellu staġun formidabbli, u bil-mod il-mod qed iħabbat il-bieb sabiex jilgħab regolari fit-tim tal-kbar.
Huwa diġà kellu x-xorti li jilgħab mat-tim immexxi minn Jurgen Klopp f’Novembru li għadda, meta ddebutta kontra Sunderland, filwaqt li sar l-iżgħar skorer fl-istorja tal-EFL Cup meta sab ix-xibka kontra Leeds United.
Dawn il-wirjiet ġennu mhux ftit ċerti klabbs Ewropej, fosthom Barċellona li għamlu żmien interessati fih.
Huwa lagħab għaxar darbiet mat-tim tal-kbar ta’ Liverpool, filwaqt li ddebutta mat-tim nazzjonali ta’ Wales fir-rebħa li kellhom kontra l-Awstrija f’logħba ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja.