Wojtyla – l-Għajta t’Alla: musical li ntlaqa’ tajjeb!

Matul il-weekend li għadda, is-sala tejatrali tal-Oratorju Don Bosco kienet mimlija sew bin-nies biex jaraw l-istorja tal-Papa Qaddis mill-Polonja Gwanni Pawlu t-Tieni li kiteb l-awtur u Poeta Għawdxi Joe W. Psaila u mmużikata minn Antoine Mercieca.

Kien dan il-Papa li ġibed tant nies għal warajh, li dar parti kbira tal-globu  (tinsewx li rifes ukoll fuq il-gżira ċkejkna tagħna u qaddes quddiem is-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu) biex jevanġelizza lill-popli ta’ kull razza u twemmin, li trabba u kiber f’ċirkustanzi xejn sbieħ meta art twelidu kienet għaddejja minn tant tbatija u tiġrib u meta tilef lil missieru ta’ eta’ żgħira.

B’danakollu dan il-bniedem baqa’ jħares dejjem ‘l quddiem u b’fiduċja sħiħa fil-Madonna ma qatax qalbu u baqa’ tiela t-taraġ kollu sa fuq sakemm il-Kardinali miġbura f’Konklav tefgħuh fuq il-Katedra ta’ Pietru minn fejn ħadem u stinka biex jara lil Kristu maħbub u rrispettat tant li żagħżugħ Tork għodwa waħda sa ppprova jneħħilu ħajtu b’balla ta’ pistola fi Pjazza San Pietru fil-qalba ta’ Ruma.

Dan kollu stajna narawh jinħatt quddiema fuq il-Palk tal-Oratorju Don Bosco  fejn fl-imgħoddi tant rajna musicals, plays u drammi u mnejn ħarġu tant atturi li wħud minnhom għadhom magħna sallum.

Joe Psaila għandu pinna tajba u mexxejja li issa ilha magħna għal żmien twil;  matul iż-żmien tana għadd ta’ kotba tal-poeżija u dawn l-aħħar snin libes ukoll iż-żarbun tad-drammaturgu.  Niftakru għalliem tal-iSports mal-Gvern u l-ewwel Direttur tal-Gozo Sports Complex apparti karigi oħra, imma milli jidher kellu wkoll imħabba speċjali lejn il-Malti u l-Letteratura tagħna tant li mill-pinna tiegħu issa ħarġu diġa numru sabiħ ta’ kontribuzzjonijiet varji bil-Malti u ta’ livell.  Għamel ukoll għadd ta’ snin Editur tar-Rivista Djoċesana Għawdxija ‘Il-Ħajja f’Għawdex’.  U allura kellu skript tajjeb li Antoine Mercieca bil-għaqal ħoloqlu ftit mużika sabiħa u tal-widna.

Naturalment dan kollu ħareġ fuq il-palk minn kast numeruż li Salvu Cremona ħa ħsieb jagħġen u jsawwar u jħarreġ matul ix-xhur li għaddew biex stajna ngawdu spettaklu kkulurit ta’ żfin, dwal u x’naf jien.

Bla dubju l-istorja kollha ddur mal-persuna tal-Papa, parti li kienet fdata f’idejn l-attur bravu li milux wisq irritorna mir-Renju Unit fejn tkompla jitħarreġ fl-arti tal-palk, Jamie Camilleri, li ħareġ bl-unuri kollha u kien konxju tal-parti matul iż-żewġ atti li sammru lil dawk preżenti fuq is-seats komdi tal-Oratorju Don Bosco li qed jagħti bidu b’din il-biċċa xogħol tejatrali għaċ-ċelebrazzjonijiet  ta’ tifkira f’għeluq is-70 sena minn meta nfetaħ fi Pjazza Santu Wistin Victoria.  ‘L-għajta t’Alla’ nħadem ukoll biex ifakkar għeluq l-40 sena minn meta Karol Wojtyla kien sar Papa.

Ma’ Jamie Camilleri  (li jilgħab il-parti ta’ Kristu) u sħabu terġgħu tiltaqgħu fl-ispettaklu tal-Passjoni ‘L-Imsallab fi treqatna’ li ta’ kull sena jsir mat-toroq tal-Belt Victoria matul żmien ir-Randan.  Titilfuhx!  Intant ‘Wojtyla  –  L-Għajta t’Alla’, il-Musical  imtella’ mill-Oratorju Don Bosco b’kolloborazzjonbi mal-Fondazzjoni Santa Ċeċilja nistgħu ngħidu li issa daħal  fil-kullana ta’ spettakli mużikali kbar  ta’ natura reliġjuża li l-Oratorju ppreżenta lill-pubbliku Għawdxi u Malti f’dawn l-aħħar erbgħa u tletin sena.  Mhux ta’ min ma jsellemx lil Fr Effie Masini (id-Direttur ta’ din l-istituzzjoni) li għal ħafna minn dawn is-snin kien il-mutur li tant ħabrek anke bil-pinna tiegħu biex il-Palk tal-Oratorju jibqa’ ħaj u jferraħ u jiddeverti lil dawk kollha li resqu lejh!

Kav Joe M Attard

Victoria Għawdex