Wisq għaġla biex il-ħaddiema tal-Gvern jirritornaw fuq il-post tax-xogħol – unjins

Il-Forum Unjins Maltin (For.U.M.) qal li għandu t-tħassib dwar l-għaġla tal-Gvern biex il-ħaddiema tal-Gvern jirritornaw lura fil-postijiet tax-xogħol fil-jiem li ġejjin minflok ikomplu jaħdmu mid-dar.

Fi stqarrija l-For.U.M. qal li hemm nuqqas kbir ta’ diskussjoni mal-unjins li qed jirrappreżentaw lill-ħaddiema tal-Gvern.

“Fl-ebda ħin ma ġew diskussi l-miżuri li se jittieħdu sabiex tiġi mħarsa s-saħħa u s-sigurtà ta’ kull impjegat. For.U.M. hu infurmat li l-anqas il-gradi fil-livell ta’ immaniġġjar ma għandhom tali informazzjoni u hu ċar li ma ttieħdux il-provvedimenti neċessarji fil-postijiet tax-xogħol biex jiġu mħarsa s-social distancing u l-iġjene,” qal il-For.U.M.

Il-Forum qal li jista’ jkun li r-ritorn għan-normalità ma jkunx possibli għal xi familji bit-tfal.

Il-For.U.M. qal li jistenna li r-ritorn tal-ħaddiema jsir b’mod gradwali. Jistenna wkoll li l-għażla tat-teleworking tibqa’ hemm.

Ilbieraħ il-Prim Ministru Robert Abela qal li nhar il-Ġimgħa 5 ta’ Ġunju l-Maltin u l-Għawdxin se jirritornaw għan-normalità tal-ħajja. Spjega li dakinhar se jitneħħew il-miżuri li kienu ddaħħlu minħabba l-pandemija.

Jekk jinqata’ t-teleworking ifisser li ma tgħallimna xejn – UĦM

Il-UĦM Voice of the Workers qalet li jekk jinqata’ t-teleworking ifisser li n-nies ma jkunu tgħallmu xejn minn din l-esperjenza.

Fi stqarrija il-UĦM qalet li tinsab imħassba wara li ġie kkomunikat li minn nhar il-Ġimgħa kollox se jirritorna għan-normal.

“Il-UĦM tinnota d-diversi messaġġi li ngħataw minn diversi Ministri kif ukoll mis-Segretarju Permanenti Ewlieni li t-teleworking għandu jibqa’ għaddej anke meta jgħaddi kollox,” qalet l-unjin.

“Din l-unjin qed titlob lill-Gvern sabiex ikompli jagħti l-opportunità lill-ħaddiema kollha li jaħdmu fis-settur u fis-servizz pubbliku sabiex, min jista’, ikompli jaħdem bit-telework,” saħqet il-UĦM.

Il-UĦM qalet li hemm ħaddiema li ma jistgħux jirritornaw fiżikament għax-xogħol għax iridu jieħdu ħsieb lil uliedhom.

“Dan fid-dawl li l-iskejjel se jibqgħu magħluqin u fid-dawl li, kemm Skolasajf kif ukoll iċ-Childcare Centres, mhux se jakkomodaw l-istess ammont ta’ tfal,” qalet il-UĦM.

Il-UĦM appellat ukoll għal risk assessment f’kull post tax-xogħol.

Saħqet ukoll li għadu mhux il-waqt li nies vulnerabbli jmorru lura fil-post tax-xogħol peress li m’hemmx vaċċin għall-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn