Wirt meta koppja tikkoabita

F’każ ta’ koppja mhux miżżewġa li tkun qed tikkoabita, x’jiġri jekk xi ħadd minnhom imut bla testment?

Fil-liġi dwar is-suċċessjoni jeżistu regoli fissi li jaħsbu għal meta xi ħadd imut “intestat” (bla testment). Min se jiret il-mejjet? F’każ ta’ koppja li tgħix flimkien iżda mhux miżżewġa, u xi ħadd minnhom jiġi nieqes bla testment, il-fattur prinċipali li jiddetermina min ikunu l-eredi huwa jekk min miet kellux tfal jew le.

Jekk persuna li qed tikkoabita u mhux miżżewġa ħalliet it-tfal, u mietet mingħajr testment, il-wirt jgħaddi fuq it-tfal b’mod ugwali. Jekk ma hemmx tfal, il-wirt jgħaddi nofs fuq il-ġenituri u nofs fuq l-aħwa tal-mejjet. Importanti ninnutaw li skont il-liġi tal-intestat, il-persuna li magħha l-mejjet kien qed jirrisjedi ma jkollhiex sehem mill-wirt sakemm ma jkunx hemm testment li jgħid mod ieħor. L-uniku dritt li l-liġi tagħti lil din il-persuna huwa li tibqa’ tgħix fid-dar fejn kienet tirrisjedi mal-parti l-oħra – dritt li jintemm meta tmut, jew jekk tiżżewweġ lil ħaddieħor, jew tidħol f’kuntratt ta’ koabitazzjoni ma’ persuna oħra. Biex japplika dan id-dritt li tgħix fid-dar wara l-mewt ta’ xi ħadd minnhom jeħtieġ li jkun hemm ftehim ta’ koabitazzjoni bejniethom.  

X’jiġri jekk xi ħadd mill-koppja li jkun qiegħed jikkoabita jkun miżżewweġ ma’ persuna oħra?

Jekk xi ħadd mill-koppja li qed jikkoabita jkun miżżewweġ lil ħaddieħor, u dan imut bla testment, il-persuna li tkun miżżewġa lilha tiret lill-mejjet. Jekk ikun hemm it-tfal ukoll, il-wirt jinqasam nofs it-tfal u nofs il-persuna miżżewġa lilha. Però d-dritt li dakli jibqa’ ħaj jiret ma jibqax jekk huma jkunu daħlu f’kuntratt ta’ separazzjoni u fil-kuntratt stess ikunu ddikjaraw li kull parti qiegħda tirrinunzja għall-wirt tal-parti l-oħra.

Min ikun jixtieq persuni oħrajn li jirtuh, fosthom il-parti l-oħra li tkun qed tirrisjedi miegħu, jeħtieġ li jagħmel testment li jkun jirrifletti x-xewqat tiegħu dwar min għandu jirtu.

Mistoqsija

Ngħix ma’ ommi bil-kera

Ili ngħix ma’ ommi f’dar mikrija (ta’ qabel l-1995) aktar minn 30 sena konsekuttivi. Meta tiġi nieqsa ommi kif tapplika l-liġi? Jista’ jsir ftehim bil-miktub mas-sid (fit-tul u quddiem nutar) biex nibqa’ ngħix fid-dar? Jekk ’il quddiem niżżewweġ, x’jiġri? JHN

Tista’ tibqa’ residenti fid-dar diment li tikkwalifika għal means test, li bih bażikament jiġi vverifikat jekk għandekx biżżejjed mezzi biex tixtri post ieħor. Jekk iva, allura ma jkollokx għażla oħra ħlief li tagħti l-post lura lis-sid. Dwar il-ftehim fit-tul, dan jista’ jsir quddiem nutar diment li s-sid jaqbel ma’ dan. F’każ ta’ żwieġ (dejjem jekk tgħaddi mill-means test) inti biss ikollok dritt li tgħix fil-post. Il-mara jew it-tfal tiegħek ma jkollhomx dritt legali li jirrisjiedu miegħek fil-post.

Tista’ tara l-verżjoni diġitali ta’ FLIMKIEN billi tagħfashawn.

Flimkien Ottubru 2020 cover