Wirja tal-Arti Retrospettiva tesebixxi x-xogħlijiet ta’ Anthony Calleja

Il-Bank of Valletta qed jiddedika l-25 Wirja tal-Arti Retrospettiva tiegħu għall-vjaġġ artistiku tal-artist magħruf Malti, Anthony Calleja. Umli, modest u sempliċi, Calleja huwa artist viżiv ta’ ħiliet kbar, li stabbilixxa lilu nnifsu bis-sħiħ bħala wieħed mill-aqwa pitturi fuq il-gżira.
Il-wirja, li l-kuratriċi tagħha hija Lisa Gwen Baldacchino, se tiġi inawgurata fl-20 ta’ Ottubru mill-Eċċellenza Tagħha Marie-Louise Coleiro Preca. Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku ġenerali mill-21 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Diċembru 2017 fil-BOV Centre, Triq il-Kanun, Santa Venera.
Imwieled fl-1955, Calleja ħa l-ewwel taħriġ artistiku tiegħu meta kien qed jaħdem bħala ‘studio hand’ ma’ zijuh, l-iskultur Anton Agius li llum m’għadux magħna, meta kellu biss 9 snin. Fl-1982, huwa segwa kors intensiv fit-tpinġija u fl-inċiżjoni fl-Accademia delle Belle Arti Pietro Vannucci f’Perugia. Wara, huwa kiseb Lawrja ta’ Baċellerat fid-Disinn mill-Kulleġġ Falkirk għal-Edukazzjoni Għolja fl-Iskozja.
Il-forma umana tidher b’mod prominenti fix-xogħol ta’ Calleja, kif ukoll ir-rappreżentazzjonijiet tiegħu nnifsu. Calleja huwa artist versatili, li kontinwament jisfida lilu nnifsu, u ma jiqafx jesperimenta bi spettru wiesa’ ta’ mezzi u tekniki, kultant anke jċajpar il-konfini bejn il-pittura u l-iskultura.
Il-25 Wirja tal-Arti Retrospettiva tal-BOV, ddedikata lill-artist Malti kontemporanju magħruf Anthony Calleja ġiet inawgurata nhar il-Ġimgħa 20 ta’ Ottubru mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca fil-BOV Centre.
Il-wirja se tkun miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-08.30 u l-16.30 u s-Sibtijiet bejn it-08.30 u s-13.00. Il-viżitaturi huma mitluba juru l-karta tal-identità tagħhom mad-desk tar-reception meta jaslu l-BOV Centre f’Santa Venera.