LIVE: Wirja ta’ dwal u laser b’turija ta’ solidarjetà u rispett

Inizjattiva mis-Socjetà Muzikali Trinità Qaddisa - Marsa

Bla dubju ta’ xejn, il-fatt li l-festi tal-ibliet u rħula Maltin għal din is-sena ġew ikkanċellati biex tkun issalvagwardjata s-saħħa tal-eluf ta’ dilettanti u kull min iżurhom, se jħalli vojt  kbir fl-atmosfera ferriħija li kienet tixgħel kull lokalità tul is-seba’ t’ijiem ta’ ċelebrazzjoni tal-Patrun/a tagħha.

Bħal f’dan iż-żmien, fil-Marsa tiġi ċċelebrata l-Festa Titulari tat-Trinità Qaddisa, li għal din is-sena kienet se  taħbat fil-jum litruġiku tagħha, li huwa nhar il-Ħadd, 7 ta’ Gunju 2020.

Bħala organizzaturi ewlenin ta’ din il-festa, is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa – AD 1949 – Marsa  ħarġet  bl-idea oriġinali biex fit-tielet jum tat-Tridu, fejn  tradizzjonalment jiġi ċċelebrat l-akbar marċ fil-Parroċċa, xorta waħda tagħti l-ħajja lis-sede u l-pjazza tal-Knisja ddedikata lill-istess Patruna.

Membri tal-istess Soċjetà sejrin jarmaw il-faċċata tas-sede tagħhom propja kif kienet tintrama għall-festa tagħha. Barra minn hekk, bil-koperazzjoni ta’ Spectrum Lighting sejrin janimaw il-faccata b’ dwal ikkulurit u laser li  jispikka u jabbina mat-titlu, “Tama”, li bla dubju ta’ xejn  hemm tant bżonnha bħalissa fid-dawl tal-pandemija tal-Covid19. Fil-fatt, din l-attività qed tittella’ wkoll b’turija ta’ l-akbar solidarjetà u rispett lejn kull minn direttament jew inkella indirettament intlaqat mill-imxija tal-pandemija tal-Coronavirus

Dan is-show ta’ dwal u mużika se jitwassal illum il-Ġimgħa, 5 ta’ Ġunju 2020, mid-9.00 p.m. ’il quddiem.

Għal aktar dettalji wieħed jista’ jżur il-paġna uffiċjali fuq Facebook tas-Soċjetà Mużikali Trinita Qaddisa – Marsa.