Wirja ta’ arti tfakkar l-450 sena mit-twelid tal-Karmelitana Santa Marija Maddalena de Pazzi

Matul din is-sena, il-Provinċja Karmelitana Maltija, flimkien mal-Ordni Karmelitan kollu kemm hu, qiegħed jiċċelebra l-450 sena mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi.
Għal dan l-anniversarju, saru diversi ċelebrazzjonijiet u attivitajiet u nhar il-Ġimgħa 28 ta’ April se tinfetaħ wirja tal-arti, fil-Karmnu tal-Imdina.
F’din il-wirja se jieħdu sehem artisti Maltin u barranin u se ġġib l-isem “Imwielda f’Fomm il-Kelma.”
Santa Marija Maddalena de’ Pazzi hija mistika Karmelitana li ħalliet warajha wirt dottrinali u reliġjuż iżda anke wirt letterarju.
Fost l-attivitajiet li diġà saru kien hemm konferenzi, irtiri, ġew ippublikati sussidji għat-talb, artikli akkademiċi, radjudramm u anke ġie ppubblikat timbru mill-Maltapost u envelop numerat li jfakkar dan l-anniversarju.
Iċ-ċelebrazzjonijet se jagħlqu fis-25 ta’ Mejju b’ċelebrazzjoni fis-Santwarju Bażilika tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.