Wirja straordinarja tal-Liżar ta’ Kristu, din is-sena

Il-Papa Franġisku kien żar il-Liżar ta’ Turin f’Ġunju 2015. (Vatican Media)

Il-Liżar ta’ Turin, li ħafna jemmnu li hu d-drapp li fih kien imkeffen Kristu meta tpoġġa fil-qabar wara li tniżżel minn fuq is-Salib se jerġa’ jkun esibit fl-okkażżjoni tal-Laqgħa Ġenerali tal-fergħa Ewropea tal-Komunità Taizè li se ssir f’Diċembru li ġej, f’Turin.

L-aħbar ta’ din il-wirja straordinarja tal-Liżar ta’ Kristu ngħatat mill-Arċsqof ta’ Turin, Cesare Nosiglie meta kien fi Wroclaw fil-Polonja fejn saret il-laqgħa tas-sena li għaddiet minn dan il-grupp ta’ żgħażagħ f’dak li jissejjaħ “Il-Pellegrinaġġ ta’ fiduċja fid-Dinja”.

Il-Komunità Taizè

Il-Komunità Taizé għażlet il-belt ta’ Turin fejn se ssir il-laqgħa taż-żgħażagħ Ewropej bejn it-28 ta’ Diċembru ta’ din is-sena u l-1 ta’ Jannar 2021.

Ma hemm ebda tagħlim uffiċjali tal-Knisja jew xi domma dwar l-awtentiċità ta’ dan il-Liżar li jinżamm fil-Kattidral ta’ Turin li mis-sena 2000 sa Diċembru li ġej se jkun intwera fil-pubblika għal ħames darbiet.

L-aħħar darba li ntwera fil-pubbliku kien fil-Kattidral ta’ Turin bejn id-19 ta’ April u l-24 ta’ Ġunju 2015. F’dik l-okkażżjoni, il-Papa Franġisku kien żar din il-belt bejn l-21 u t-22 ta’ Ġunju u qagħad diversi minuti jitlob fis-silenzju quddiem dan il-Liżar bla ma għamel ebda kumment. Iżda fi tmiem il-Quddiesa li għamel fil-pjazza quddiem il-Kattidral hu ddeskriva dan il-Liżar bħala “Ikona tal-Imħabba ta’ Kristu”.

Il-Papa kien qal li” “Dan il-Liżar jiġbed lin-nies lejn il-wiċċ u l-ġisem torturat ta’ Ġesù u fl-istess waqt iħeġġiġna nersqu lejn kull persuna li qed tbati jew dawk persegwitati inġustament. Iħeġġiġna nimxu fl-istess direzzjoni tar-rigal tal-imħabba ta’ Kristu”.

Studju kontinwu

Papiet ta’ qabel ukoll kienu marru jaraw il-Liżar ta’ Kristu f’Turin. Meta l-Papa San Ġwanni Pawlu II kien rah fl-1998 kien qal li l-misteru madwar dan il-kefen ipoġġi mistoqsijiet dwar il-fidi u x-xjenza u jekk dan kienx verament id-drapp li fih tkeffen Kristu. Hu kien ħeġġeġ biex isir studju kontinwu dwaru.

Il-Papa Benedittu XVI kien iddeskriva dan id-drapp bħala “ikona ta’ raġel imsallab miktuba bid-demm”.

L-Arċisqof Nosiglia meta tkellem fil-Polonja aktar kmieni din il-ġimgħa qal li Turin u l-Komunità Taizè għandhom rabta ta’ għexieren ta’ snin. Diversi gruppi ta’ żgħażagħ mir-reġjun ta’ Piemonte fl-Italja – li l-kapitali tiegħu hi Turin – regolarment jivjaġġaw biex jipparteċipaw fil-pellegrinaġġ annwali ta’ din il-Komunità u ħafna laqgħat ta’ talb tal-Komunità isiru f’Turin.

Il-bieraħ, l-Arċisqof għamel konferenza tal-aħbarijiet malli rritorna lejn Turin u tkellem dwar l-inizjattivi marbuta mal-Pellegrinaġġ ta’ Fiduċja fid-Dinja ta’ Diċembru li ġej. Hu qal li l-Knisja f’Turin qed tipprepara biex tilqa’ eluf ta’ żgħażagħ fid-djar tan-nies u fil-komunitajiet tagħha. Fil-Pellegrinaġġ barra minn laqgħat u qsim ta’ esperjenzi se jkun hemm ukoll ħinijiet ta’ kontemplazzjoni quddiem il-Liżar ta’ Kristu.