Wiri ta’ films għal studenti tal-Form 4 u 5

Produzzjonijiet ċinematografiċi ta’ studenti li jattendu l-MCAST se jintwerew illum fil-5.30pm f’ċinema fir-Rabat, Għawdex.
Dan se jsir bħala parti mill-proġett ‘Kreattivi’ li se jkun qed joffri pjattaforma għal dawk l-istudenti li jaspiraw li jaħdmu fis-settur taċ-ċinematografija. Il-proġett tnieda mill-Ministeru għal Għawdex.
Il-Ministeru se jkun qed jiffinanzja l-attendenza tal-istudenti tal-Form 4 u 5 flimkien mal-għalliema tagħhom għall-wiri ta’ dawn il-films, filwaqt li jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-udjenza.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li Għawdex għandu potenzjal fis-settur taċ-ċinematografija li qed jikber f’Malta.
Il-proġett jikkonsisti f’14-il film qasir li saru mill-istudenti tal-Istitut tal-Midja, tal-Fotografija u tal-Ġurnaliżmu fl-MCAST.
Fost temi oħra, f’dawn ix-xogħlijiet qed tiġi interpretata r-realtà u l-letteratura Maltija.