X’se tagħmel il-President?

Read in English.

Issa li l-Parlament approva l-emendi għal-liġi dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni li tippermetti l-iffriżar tal-embrijuni, imiss lill-President  Marie-Louise Coleiro Preca biex tiffirma l-att biex dan isir liġi. Il-President kienet uriet it-tama li sakemm jasal għandha għall-firma, il-problemi etiċi u morali li kien fih dan l-att jissolvew.

Fil-passat mhux imbiegħed, kemm il-President Eddie Fenech Adami kif ukoll, u aktar, il-President George Abela, kienu ffaċċjati b’sitwazzjonijiet simili. Meta kien hemm il-ħsieb li titfassal liġi għall-ħarsien tal-embrijuni, il-President Fenech Adami kien qal li jekk din il-liġi tmur kontra l-konvinzjonijiet morali u etiċi tiegħu, huwa ma jiffirmax. Il-President Abela attwalment ma ffirmax il-liġi li kienet tippermetti li koppji tal-istess sess jaddottaw trabi. Dik il-liġi mbagħad iffirmata l-President Coleiro Preca.

Il-Gvern, fil-liġi proposta kellu tliet elementi: l-iffriżar tal-embrijuni, l-għoti ta’ gameti (sperma u bajda) u l-kiri tal-ġuf. Fuq l-iffriżar tal-embrijuni, il-liġi kif approvata żiedet l-għadd ta’ embrijuni li jistgħu jkunu ffriżati minn 3 għal 5. Fuq l-għoti tal-gameti, tfal li jitwieldu b’dan il-metodu issa għandhom id-dritt li jkunu jafu min huma l-ġenituri bijoloġiċi tagħhom. Dwar il-kiri tal-ġuf, il-Gvern ippospona l-argument għal aktar tard fil-leġiżlatura.

Tibqa’ l-mistoqsija: il-problemi etiċi u morali li semmiet il-President kienu riżolti? Il-President taħsibha bħall-500 tabib, 100 akkademiku u 23 ġenetiċist u xjenzat li minħabba problemi etiċi u morali ddikjaraw irwieħhom kontra l-iffriżar tal-embrijuni? X’se tagħmel il-President?

Sylvana Debono

Editor-in-Chief