Wilkinson Sword tixtri ‘l Harry’s għal biljun sterlina

Harry’s, ditta Ingliża li tipproduċi prodotti għall-kura tal-leħja, u li ġiet iffurmata biss sitt snin ilu, inxtrat mill-kumpanija li tipproduċi d-ditta Wilkinson Sword għas-somma ta’ biljun sterlina.

Harry’s saret popolari ferm fis-suq dejjem akbar tal-grooming tal-irġiel, billi tuża sistema ta’ abbonament li permezz tiegħu tbiegħ prodotti direttament lill-konsumaturi. Il-fundaturi, Andy Katz-Mayfield u Jeff Raider, ser jingħaqdu max-xerrej Edgewell Personal Care bħala ko-presidenti.

Tali start-ups biddlu s-settur tal-leħja li għexu għexieren ta’ snin. Akkwist simili sar fl-2016 minn Unilever, li xtrat lil Shave Club, rivali ta’ Harry’s, għal biljun dollaru.

Harry’s ibigħ prodotti marbuta mal-leħja tal-irġiel, kif ukoll ħasil tal-wiċċ, lozjonijiet u prodotti tan-nisa taħt il-linja Flamingo u naturalment xfafar għal qtugħ tal-leħja. Il-fundaturi jgħidu li ffurmaw Harry’s minħabba li l-prodotti u s-servizzi eżistenti huma għaljin wisq.  Huma jużaw personaġġi famużi fil-marketing tagħhom, fosthom l-attakkant u kaptan tal-futbol tal-Ingilterra u Tottenham Hotspur Harry Kane.

F’dan il-ftehim, Edgewell ħallset 79% tal-valur fi flus kontanti u l-bqija f’ishma, biex b’hekk l-azzjonisti ta’ Harry’s ingħataw sehem ta’ 11% fil-kumpanija l-ġdida wara li jitlesta l-ftehim.

Jonqos il-profitt ta’ Emirates

Il-linja tal-ajru Emirates irrappurtat tnaqqis fil-profitti tagħha ta’ kważi 70% fl-aħħar riżultati finanzjarji tagħha, f’sena li l-kumpanija ddeskriviet bħala diffiċli. Emirates, li hi bbażata f’Dubaj, ippuntat subgħajha lejn prezzijiet ogħla tal-fjuwil kif ukoll is-saħħa tad-dollaru, hekk kif irreġistrat profit ta’ 237 miljun fis-sena li ntemmet Marzu, meta mqabbel ma’ 765 miljun is-sena li għadiet. Dan barra żieda qawwija fil-kompetizzjoni fis-swieq ewlenin tagħha.

Il-kumpanija qalet li minkejja dan it-tnaqqis, hija investiet kważi 4 biljun dollari f’ajruplani ġodda u tagħmr ieħor, madankollu naqqset ordni għal 39 ajruplan Airbus 380 superjumbo, deċiżjoni li wasslet lill-kumpanija Ewropea biex twaqqaf il-produzzjoni ta’ dan l-akbar ajruplan fid-dinja. Il-kumpanija issa għandha 270 ajruplan kbir fil-flotta tagħha.

Il-kumpanija indikat ukoll tnaqqis fl-ivvjaġġar fil-Lvant Nofsani u fit-talba għat-trasport bl-ajru ta’ merkanzija.

Mal-pubblikazzjoni ta’ din l-aħbar, Emirates, waħda mill-akbar kumpaniji fid-dinja f’dan is-settur, rat l-ishma tagħha jonqsu b’madwar 6%.

L-ekonomija Taljan fil-gwaj

Aktar tħassib għall-ekonomija Taljana, hekk kif il-Kummissjoni Ewropea ħarġet rapport iebes fuq il-pajjiż li ftit jagħti indikazzjonijiet pożittivi. Filfatt, l-UE sostniet li l-finanzi pubbliċi se jkomplu jmorru għall-agħar, analiżi li xejn ma niżlet tajjeb f’Ruma, u li mistennija toħloq kontroversja hekk kif il-baġit Taljan ifittex approvazzjoni minn Brussell.

Il-Prim Minisru Taljan Conte ddeskriva l-previżjonijiet bħala “mimlija preġudizzju” għaliex assumew li l-Italja ma kien se jkollha ebda tkabbir din is-sena u dan minkejja li l-ewwel kwart tas-sena kien pożittiv.

Brussell stmat it-tkabbir fl-Italja għal 0.1%, filwaqt li fiż-żona ewro l-livell huwa pjuttost minimu, dak ta’ 1.2%. Iżda t-tbassir għall-Italja huwa l-inqas fost il-pajjiżi li jħaddnu l-munita waħdanija, u l-Kummissjoni basset li dan se jkollu impatt qawwi fuq id-defiċit u d-dejn, li mistennija jilħqu livelli ogħla milli kien miftiehem.

B’mod partikolari, il-Kummissjoni qed tipprevedi li d-dejn jikber għal 133%.  Iżda l-Gvern Taljan qed jinsisti li grazzi għal tisħiħ fil-bidu tal-ekonomija din is-sena, tkabbir li Conte ddeskriva bħala “solidu”, ir-riżultati finanzjarji se jkunu aħjar ukoll. Minkejja li m’hi mistennija ebda deċiżjoni fuq miżuri dixxiplinari fuq l-Italja qabel l-elezzjonijiet Ewropej, dawn l-istimi negattivi jistgħu jħallu impatt negattiv fuq is-swieq.

L-Italja hija wkoll l-unika pajjiż fiż-żona ewro li għalih qed tiprpevedi tnaqqis, minkejja marġinali (0.1%), fil-postijiet tax-xogħol, u l-unika pajjiż bi tnaqqis fl-investiment (0.3%).

Dan kollu qed ikompli jinkwieta lill-investituri Ewropej hekk kif il-periklu għall-ekonomija Taljana, li tibqa’ waħda mill-akbar fl-Ewropa, jista’ jkollha riperkussjonijiet negattivi fuq is-swieq Ewropej.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.