​Wieħed minn kull ħames ħaddiema Għawdxin jaħdem Malta

Il-ħaddiema Għawdxin li jivvjaġġaw lejn Malta għax-xogħol komplew jiżdiedu minn sena għall-oħra, b’wieħed minn kull ħames ħaddiema Għawdxin, jaħdem Malta.
Studju tal-impjiegi skont ir-reġjuni li sar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li fil-perjodu 2010-2015, medja ta’ 2,768 persuna Għawdxija kienet taħdem f’Malta. 58% minnhom jaħdmu mas-settur pubbliku.
Is-sena 2013 kienet l-eċċezzjoni meta saru movimenti fis-settur pubbliku biex Għawdxin jaħdmu minn Għawdex.
Tul dan il-perjodu, komplew jiżdiedu l-persuni impjegati full-time u part-time f’Malta. Fl-2015, dawn laħħqu l-208,082. L-impjiegi tar-residenti Maltin żdiedu bi kważi 18% meta mqabbla mal-2010. Kważi 76% jaħdmu mas-settur privat. L-impjiegi tar-residenti ta’ Għawdex u Kemmuna laħħqu l-11,735, li hi żieda ta’ 14% fuq l-2010. 55% kienu jaħdmu mas-settur privat.