Wieħed minn kull erbat itfal mhux imorru skola

Ritratt: FES

Wieħed minn kull erbat itfal mhux qed jattendi skola. Dan ikkonfermah il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici llejla fil-Parlament.

Meta kien qed iwieġeb għall-mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista David Thake, Bonnici qal li minn dawn nofshom huma tfal vulnerabbli, waqt li n-nofs l-ieħor hu assenteiżmu klassiku fejn it-tfal mhux qed jintbagħtu l-iskola mill-ġenituri tagħhom.

Stqarr li f’sena normali jkun hemm 10% tat-tfal li ma jattendux skola. Huwa qal li filwaqt li l-assenteiżmu ma ġiex dekriminalizzat, mhux qed jinħarġu multi.

Bonnici esprima t-tama “li l-fatt li kollox mexa sew fl-ewwel xahar, iħajjar aktar ġenituri jibagħtu lil uliedhom l-iskola”. Il-Ministru qal li l-mudell ta’ blended learning, jiġifieri lezzjonijiet fil-klassi u oħrajn online, qed jaħdem tajjeb. Ikkwota wkoll riċerka li tindika li l-istudenti jbatu b’online learning biss.

Bonnici qal ukoll li wara talba tal-President ta’ Malta u Puttinu, il-Gvern vara l-ewwel klassi primarja online għal dawk it-tfal vulnerabbli li ma jistgħux jattendu l-iskola.