Wieħed minn kull erba’ saċerdoti Kattoliċi ġodda fl-Ewropa hu Pollakk

Seminaristi Pollakki jħejju għas-saċerdozju.

Waħda minn kull erba’ ordinazzjonijiet saċerdotali Kattoliċi fl-Ewropa, issir fil-Polonja. Dan joħroġ minn informazzjoni pubblikata mill-Istitut tal-Istatistika tal-Knisja Kattolika fil-Polonja.

Iżda b’mod ġenerali in-numru ta’ qassis qed jonqos filwaqt li kien hemm żjieda fin-numru ta’ nies li qed jitilqu mis-saċerdozju tant li issa hemm min qed jitkellem dwar kriżi fil-vokazzjonijiet.

Għal dawn l-aħħar snin madwar 350 qassis Kattoliku ġdid kienu ordnati fil-Polonja li jirrappreżentaw 26% tan-numru totali ta’ ordinazzjonijiet saċrdotali fl-Ewropa li fl-2017, kien jammonta għal 1,272 ordinazzjoni.  F’dik l-istess sena, in-numru ta’ ordinazzjonijiet saċerdotali madwar id-dinja kien ta’ 5,800.

Madankollu, fil-Polonja u fl-Ewropa dawn in-numri ilhom jonqsu mis-sena 2000. Il-proporzjon ta’ saċerdoti ġodda fil-Polonja komparat mal-ordinazzjonijiet kollha fl-Ewropa, naqas ukoll bi ftit minn 30% kif kien fl-2013.

In-numru totali ta’ saċerdoti djoċesani madwar id-dinja kien qed jikber mis-sena 2000 ‘l hawn tant li fl-2017 laħaq  l-281,000. Iżda fl-Ewropa, it-tendenza kienet bil-maqlub u n-numru ta’ saċerdoti djoċesani niżel għal 125,000 mill-141,000 li kienu fl-2003.