Wieħed mill-vittmi tal-massakru fl-Amerka kien joqgħod Malta

Facebook

Immigrant li kien wieħed mill-vittmi fil-massakri li kien hemm fl-Istati Uniti fi tmiem il-ġimgħa kien joqgħod Malta flimkien ma’ martu u bintu qabel ma emigra lejn l-Istati Uniti tliet snin ilu.

Saeed Saleh ta’ 38 sena kien wieħed mill-vittmi tar-raġel li fetaħ in-nar fid-distrett tad-diskoteki f’Ohio nhar il-Ħadd li għadda. Dan kien it-tieni massakru mdemmi fl-Istati Uniti f’24 siegħa, peress li 13-il siegħa qabel, kien għadu kemm ġara qtil simili fi stabbiliment ta’ Walmart f’El Paso f’Texas.

Aqra: Ritratti: Trump iżur lill-vittmi tal-massakri fl-isptarijiet; jgħajruh razzist

Il-qattiel, Connor Betts, qatel lil ħutu u lil tmien persuni oħra, u ħalla lil 27 persuna midrubin. Huwa nqatel mill-pulizija dak il-ħin stess.

Saleh kien ġie Malta mill-Eritrea biex jikseb protezzjoni. Tekeste Abraham, membru fil-komunità Eritreana ta’ Dayton f’Ohio, iddeskriva lil Saleh bħala bniedem bieżel u ta’ qalb tajba, hu u jitkellem fuq The Washington Post.

Aqra: Aġġornata: Fl-Amerka, 20 persuna maqtula waqt sparaturi f’shopping mall

Ma’ Saleh inqatlu tmien persuni oħra f’Dayton. Huwa kien telaq mill-Eritrea bħala refuġjat, u qatta’ xi żmien joqgħod fis-Sudan, fil-Libja u f’Malta, qabel ma rħielha lejn l-Istati Uniti biex jibda ħajja ġdida ma’ familtu.