​“Wieħed mill-irġiel salvati mir-Ramla kien fi stat ħażin ħafna”

Illum waranofsinhar tlett irġiel ġew salvati mill-bajja tar-Ramla, wara li kienu qed jiġu mkaxkra mill-kurrent waqt li kienu qed jgħumu.
Huma ġew salvati minn erba’ għassiesa tal-baħar tal-Emergency Response and Rescue Corps (ERRC) li b’kumbinazzjoni kienu qegħdin fil-bajja jipprattikaw l-isport tal-wind surfing..
Newsbook.com.mt tkellem ma’ wieħed minn dawn il-lifeguards, li taw l-ewwel għajnuna wara li semgħu lill-irġiel jgħajtu għall-għajjut.
Adrian Axiaq li huwa wkoll membru tal-Korp tal-Pulizija spjega kif kien għall-ħabta tas-2.30pm, meta semgħu lill-irġiel jgħajtu, innutaw li fin-naħa tal-lvant tal-bajja kien hemm xi persuni li kellhom bżonn l-għajnuna, marru malajr ħdejhom u għenuhom jitilgħu fuq il-bajja.
Spjega kif “wieħed mill-irġiel kien fi stat ħażin ħafna minħabba għejja kbira kkaważata bis-saħħa tal-baħar.” Qal li lil dan ir-raġel kellhom jagħtuh l-ewwel għajnuna, madanakollu sostna li kollox spiċċa b’wiċċ il-ġid.
It-tlett irġiel kienu ta’ nazzjonalità barranija.
Adrian kien flimkien ma’ Darren Xerri li hu membru tad-Dipartiment tat-Tifi tan-Nar f’Għawdex, kif ukoll ma’ Brendan u Daniel Azzopardi, kollha membri tal-ERRC.
Is-servizz tal-għassiesa tal-baħar fir-Ramla spiċċa fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru.