Wieħed mill-hijackers jgħid li hu ħati

Read in English.

Wieħed mill-irġiel akkużati bil-hijack u li dawru titjira lejn Malta fl-2016 ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.

Shah Soko Moussa ta’ 29 sena u Ali Ahmed Saleh ta’ 30 sena, it-tnejn minn Sebha fil-Libja, ġew akkużati li għamlu hijack tal-ajruplan ta’ Afriqiyah Airways, tat-tip Airbus A320 fit-23 ta’ Diċembru tal-2016. Huma ġew akkużati wkoll b’terroriżmu.

Abbord l-ajruplan kien hemm 111-il passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ.

Huma kienu heddu li ħa jisplodu l-ajruplan, però wara rriżulta li l-armi kienu foloz. It-tnejn li huma kienu għadhom miżmuma fil-ħabs min-nhar il-Milied tal-2016. Is-sena li għaddiet, il-Qorti tat libertà proviżorja lil Shaha Ali fuq seba’ kundizzjonijiet.

Il-Qorti wissiet lill-akkużat li l-akkużi fil-konfront tiegħu jġorru possibbiltà ta’ għomor il-ħabs. Madankollu, dalgħodu, quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Moussa wieġeb ħati.

Il-Qorti bagħtet l-atti lill-Avukat Ġenerali qabel ma tinqata’ s-sentenza mill-Qorti Kriminali.