Wieħed mill-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa għandu rabta ma’ Malta

police.uk

Raġel li huwa mfittex minħabba r-rabta tiegħu mal-omiċidju “brutali” ta’ missier f’razzett f’Cheshire fir-Renju Unit issa żdied mal-lista Ewropea tal-aktar persuni mfittxija. Skont il-Pulizija, is-suspettat għandu rabta ma’ Malta.

Skont il-Pulizija ta’ Cheshire, Christoper Guest More Jr huwa mfittex mill-Pulizija b’rabta mal-qtil ta’ Brian Waters f’Tabley madwar 16-il sena ilu.

Christoper Guest More Jr huwa ta’ karnaġġjon abjad u huwa twil madwar 1.8 metri. Il-Pulizija temmen li Guest More telaq mir-Renju Unit ftit wara l-inċident fid-19 ta’ Ġunju 2003. Għandu rabtiet ma’ Malta, Spanja, u l-Amerka t’Isfel imma skont il-Pulizija jista’ jkun qed jgħix x’imkien ieħor.

Ritratt ta’ Christopher More
Cheshire Constabulary

Hekk kif qed joqrob l-anniversarju tal-qtil ta’ Waters, il-Pulizija ta’ Cheshire qed ittenni l-appel tagħha għall-informazzjoni f’attentat li ssib is-suspettat.

Fit-30 ta’ April Detective Superintendent Sarah Pengelly qalet li More issa żdied mal-lista tal-aktar persuni mfittxija fl-Ewropa. Qalet li dan huwa pass sinifikanti biex jinstab is-suspettat. Qalet li tispera li dan l-aħħar żvilupp jgħin biex jerġa’ jitqajjem l-interess dwar dan il-każ. Żiedet tgħid li l-aktar importanti hija l-informazzjoni dwar fejn jinsab bħalissa More.

X’ġara dakinhar tal-każ?

Skont il-Pulizija Brian Waters miet fid-19 ta’ Ġunju 2003 f’Burnt House Farm ħdejn Knutsford. More Jr flimkien ma’ għadd ta’ nies oħra allegatament mar sal-farmhouse fejn wara li talbiet għal flus ġew miċħuda, għadd ta’ nies ġew aggrediti. Waters tant qala’ daqqiet li miet fuq il-post.

More Jr huwa mfittex b’rabta mal-qtil kif ukoll mal-allegat attentat ta’ qtil ta’ raġel ieħor.

Pengelly qalet li qed tappella għall-għajnuna mill-publiku. Qalet li xi ħadd x’imkien jaf fejn qiegħed More Jr. Talbithom jitkellmu mal-Pulizija jekk jafu xi ħaġa.

Jekk għandek xi informazzjoni dwar dan il-każ tista’ tagħmel kuntatt mal-Pulizija tar-Renju Unit.