“Bħalissa l-pajjiż għandu jirrifletti xi tfisser l-għaqda” – GWU

L-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA) iddeskriviet il-jum ta’ lbieraħ bħala wieħed mill-aktar jiem imsewda ta’ Malta wara l-Indipendenza.
L-MEA kienet qed tirreaġixxi għall-qtil brutali ta’ Daphne Caruana Galizia, u rrimarkat li dan l-att kodard qisu stallett fil-qalb tal-espressjoni u l-ġurnaliżmu investigattiv.
Appellat lill-awtoritajiet sabiex lanqas iħallu ġebla waħda f’postha sakemm isibu lil min wettaq dan l-attakk.
“F’dis-siegħa msewda, nappellaw għall-għaqda” – il-Kamra tal-Kummerċ
Min-naħa tagħha, il-Kamra tal-Kummerċ ikkundannat dan l-att barbaru, u talbet biex f’dis-siegħa ħażina li laqtet lill-pajjiż, in-nazzjon jingħaqad, u jkun hawn ir-rispett u ssir ġustizzja.
"Il-ħolma li Malta post sigur inbidlet" – GRTU
Il-GRTU tkellmet ukoll, meta qalet li Malta kienet tiftaħar li hi post sigur, stampa li nbidlet mil-lbieraħ 'l hawn.
"Kulħadd għandu jkun meqjus fi kliemu u jerfa' r-responsabbiltà" – Kunsill Mosta
Il-Kunsill Lokali tal-Mosta lbieraħ qal li jinsab ixxukjat b’dan il-qtil ta’ Caruana Galizia, residenti fil-lokalità.
Is-Sindku Keith Cassar qal li bi qbil unanimu fost il-kunsilliera, appella li kulħadd ikun meqjus fi kliemu u jerfa’ r-responsabbiltà, biex dan id-delitt ikun solvut u ssir ġustizzja. 
"Bħalissa l-pajjiż għandu jirrifletti xi tfisser l-għaqda" – GWU
Min-naħa tagħha l-GWU qalet li bħalissa l-poplu jrid jirrifletti fuq xi tfisser li jkun magħqud, il-libertà tal-espressjoni u d-dritt tal-privatezza.
L-unjin tal-ħaddiema żiedet tgħid li ebda aġir ma jista' jiġġustifika dak li sar ilbieraħ, u estendiet il-kondoljanzi tagħha lill-familja Caruana Galizia.