Fl-2018 ġie rrappurtat inċident fatali wieħed fuq il-post tax-xogħol. Min-naħa l-oħra propju 1,653 persuna ġiet feruta.
Dan ħareġ minn rapport ġdid tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) u jkopri minn Jannar sa Ġunju.
Il-maġġoranza tal-inċidenti mhux fatali seħħew f’xogħlijiet tal-manifattura, li jammontaw għal 15.4%. Min-naħa l-oħra 15.1% tal-inċidenti seħħew fuq siti ta’ kostruzzjoni, segwiti minn inċidenti fuq xogħlijiet tat-trasport u ħażna.
Iweġġgħu aktar irġiel milli nisa
L-istatistika turi li l-irġiel kienu involuti aktar f’inċidenti fuq il-post tax-xogħol milli n-nisa.
Dan hekk kif l-għadd ta’ rġiel li weġġgħu jitla’ għal 1,324, filwaqt li nisa li weġġgħu hemm total ta’ 329.
Persuni min-Nofsinhar ta’ Malta l-aktar li weġġgħu
L-istatistika ħarġet ukoll li minn fost il-persuni kollha li weġġgħu jidher li l-akbar għadd ġejjin minn postijiet tax-xogħol fin-Nofsinhar ta’ Malta. Dan jammonta għal 592 persuna.
Dan segwit minn persuni li ġejjin minn postijiet tax-xogħol fit-Tramuntana ta’ Malta b’total ta’ 497.
Min-naħa l-oħra kienu biss 26 persuna li weġġgħu fuq xogħol f’Għawdex u Kemmuna.
980 persuna jsofru feriti superfiċjali
Propju 980 persuna sofrew feriti superfiċjali. Dan ifisser li l-feriti ma għamlux ħsara fil-muskoli u l-organi fil-ġisem. Dawn huma feriti tal-ġilda.
Min-naħa l-oħra 374 mill-persuni li weġġgħu kienu involuti f’inċidenti kemm xejn akbar.
Nofs il-feriti kienu jinvolvu partijiet ta’ fuq tal-ġisem bil-maġġorparti jkunu s-swaba’ u l-idejn.