“Wieħed għandu jkun umli biżżejjed li jitlob apoloġija”

“Argumenti bħal li min jagħti bis-sejf jaqla’ lura bil-mannara u argumenti simili qatt ma naċċettahom u min jagħmel dawn il-kummenti għandu jagħmel apoloġija, għax dawn iwasslu għal ħafna tisħim tal-imħuħ, ma nemminx li fis-sena 2016 għandna naslu għal dawn il-kummenti u għal provokazzjoni ta’ dan it-tip.”
Dan qalu d-Deputat Laburista Franco Mercieca waqt l-aġġornament tal-Parlament tal-lejla. Dan wara kumment li għamel fl-isfond tal-kontroversja marbuta ma’ diskors mill-Ministru Chris Cardona, fejn waqt il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista ta’ nhar il-Ħadd li għadda, wissa lill-Partit Nazzjonalista li jekk se jagħti bis-sejf, il-Partit Laburista se jkun lest jagħti bil-mannara.
Mercieca sostna li kull min jgħid kummenti li b’xi mod iħeġġu l-vjolenza, għandu jkun umli biżżejjed li jitlob apoloġija.
Saħaq li hu hu wieħed mill-moderati fil-Moviment Laburista u li jinsab ferm imħasseb bil-kliem ta’ provokazzjoni u kummenti dispreġġjattivi. Sostna li għalih dan hu żmien inkwetanti.
Id-Deputat Laburista ddiskriva l-għajta tal-Partit Nazzjonalista “Politika Onestà” bħala ħrafa u akkuża lil Simon Busuttil b’ipokrezija grassa u b’irresponsabbiltà.
Hu kkritika wkoll lill-PN għall-iskema taċ-ċedoli. Franco Mercieca ddefenda l-Avviż Legali dwar billboards li dwaru l-PN ressaq kawża fil-Qorti.