Wied iż-Żurrieq jingħata l-Bandiera Bajda għall-baħar

Permezz ta’ qbil bejn il-Ministeru għall-Ambjent u l-WhiteFlag International, Malta ngħatat l-White Flag għal Wied iż-Żurrieq.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent qal li dan jfisser li Malta saret l-ewwel gżira fid-dinja li ngħatat il-White Flag fejn se jiġi mnaddaf il-qiegħ tal-baħar tas-sit sabiex jitneħħa l-iskart u l-plastik mormi fil-baħar.
Waqt ċerimonja li saret għall-okkażjoni,  il-Ministru għall-Ambjent José Herrera qal li n-nomina ta’ dan is-sit bħala White Flag Beach għandha rwol importanti fil-ħidma biex jiġi protett l-ambjent marittimu. Huwa qal li Malta wettqet diversi inizjattivi biex iżżomm, jew ittejjeb, l-istatus tal-ambjent marittimu.
Il-Ministru Herrera qal li Malta ħadmet sabiex jiġu nnominati numru ta’ Marine Protected Areas u Special Protection Areas. Skont il-Ministru Malta għandha terz tal-ilmijiet taħt il-ġurisdizzjoni tagħha diġà protetti, jew immarkati għall-protezzjoni.
Il-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella saħaq li l-għaddasa li jagħmlu ċert li Malta jistħoqqilha din il-White Flag huma ta’ kontribuzzjoni siewja ħafna għal ibħra u kosta aktar nodfa kemm f’Malta u kemm f’madwar l-Ewropa.
Ritratt: DOI – Clifton Fenech