Wied Fulija: minn miżbla għal park naturali

DOI: Pierre Sammut

Wied Fulija, miżbla dilapidata li ma tintużax fiż-Żurrieq u li tkopri 95,000m kwadru, se tiġi riabilitata f’park naturali. Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera waqt żjara fuq il-post. Skont stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ambjent, ix-xogħol ta’ riabilitazzjoni beda f’Marzu li għadda bil-għan li l-proġett jitlesta sa Diċembru tas-sena d-dieħla.

Waqt li s-sit kien attiv, kull tip ta’ skart inkluż dak perikoluż kien jintrema f’dan is-sit. Skont l-istqarrija, maż-żmien l-iskart inxtered mal-irdum bil-konsegwenza li spiċċa fil-baħar.

Il-Ministru Herrera qal li permezz tal-proġett, issa se jitħawlu b’kollox madwar 45,000 siġra matura u arbuxell indiġenu. Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Aaron Farrugia qal li dan il-proġett hu ffinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni. Hu spjega wkoll li r-riabilitazzjoni tal-wied mhux se jkun qed jipproteġi biss l-ambjent iżda se jkun qed jirritorna wkoll dawn l-imkejjen lill-pubbliku. Skont Farrugia b’dan il-mod se tkun qed titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies.

Il-proġett se jiswa madwar €4 miljun u huwa eleġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea.