Wied Babu ilu tal-privat mill-2002 – Il-Ministru Borg

Google Maps - Liis Rosenberg

Wied Babu fiż-Żurrieq ilu tal-privat mill-2002. Dan qalu l-Ministru Ian Borg fil-Parlament hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Godfrey Farrugia.

Il-Ministru Farrugia staqsa minn meta Wied Babu sar tal-privat fost mistoqsijiet oħrajn. Il-Ministru Borg spjega li skont ma hu infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, Wied Babu ilu reġistrat għand il-privat permezz ta’ titli reġistrati fir-Reġistru Pubbliku sa mill-2002. Hu qal li jinsab infurmat ukoll li dan it-titlu kien ġej minn suċċessjoni li tmur lura sal-1945.

Aqra: Aġġornata: Wied Babu hu kollu tal-privat – Herrera

F’Ottubru, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera fil-Parlament qal li Wied Babu fiż-Żurrieq, wieħed mill-iktar postijiet pittoreski f’Malta, huwa kollu privat u l-aċċess għal pubbliku hu limitat. Hu kien qed iwieġeb għal mistoqsija parlamentari oħra tad-deputat Godfrey Farrugia.

Farrugia talab lill-Ministru biex jassigura li l-pubbliku jkollu dritt ta’ aċċess għall-wied biex jintlaħaq il-baħar wara li nbena ħajt fl-inħawi.