Wi-Fi b’xejn f’27 lokalità

27 lokalità f’Malta u Għawdex se jibbenefikaw mill-inizjattiva tal-Unjoni Ewropea Wi-Fi 4EU li tipprovdihom b’Wi-Fi b’xejn.

Kull lokalità se tingħata €15,000, u l-internet għandu jkollu minimu ta’ 30Mbps fil-veloċità tiegħu. Din l-inizjattiva se tiġi attwata f’Malta permezz tad-Direttorat tal-Gvern Lokali.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Silvio Parnis qal li minbarra s-somma ta’ €15,000, se tingħata wkoll assistenza finanzjarja ulterjuri lill-kunsilli lokali. Parnis kompla jgħid li l-Gvern jemmen fl-awtonomija tal-kunsilli lokali u kien għalhekk li ngħataw il-libertà li jindikaw f’liema partijiet tal-lokal għandu jiġi installat dan is-servizz.

Is-Segretarju Parlamentari appella lil dawk il-kunsilli lokali li għadhom ma applikawx għal din l-inizjattiva sabiex japplikaw.