WHO u esperti oħrajn jisħqu li m’hemm l-ebda evidenza li l-COVID-19 qed titlef mis-saħħa

Read in English.

Esperti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u għadd ta’ xjenzati oħra nhar it-Tnejn qalu li għad m’hemm l-ebda evidenza li tappoġġja affermazzjoni minn tabib Taljan li qal li l-coronavirus li kkawża l-pandemija COVID-19 kien qed jitlef mis-saħħa tiegħu.

Il-Ħadd li għadda, il-professur Alberto Zangrillo, kap tal-kura intensiva fl-Isptar San Raffaele fil-Lombardija, l-Italja, l-iżjed reġjun li ġarrab l-epidemija COVID-19 fl-Italja, meta tkellem fuq it-televiżjoni ta’ l-istat, qal li l-coronavirus il-ġdid “klinikament m’għadux jeżisti.”

Iżda l-epidemjologu tal-WHO Maria Van Kerkhove, kif ukoll diversi esperti oħra dwar viruses u mard infettiv ieħor, qalu li l-kummenti ta’ Zangrillo ma kinux sostnuti minn evidenza xjentifika.

M’hemm l-ebda informazzjoni fattwali li turi li l-coronavirus il-ġdid qed jinbidel b’mod sinifikanti, la fil-forma ta’ trasmissjoni tiegħu u lanqas fis-severità tal-marda li jikkawża.

“F’termini ta’ trasmissibbiltà, ma nbidel xejn, u f’termini ta’ severità, ma nbidel xejn lanqas,” qalet Van Kerkhove meta kellmet lill-ġurnalisti.

Mhuwiex normali li l-viruses jimmutaw u jadattaw kif jinfirxu, u d-dibattitu nhar it-Tnejn jenfasizza kif ix-xjenzati qed jissorveljaw u jsegwu dan il-virus ġdid. 

Il-pandemija COVID-19 s’issa qatlet aktar minn 370,000 persuna u nfettat aktar minn 6 miljun ruħ.

Martin Hibberd, professur tal-mard infettiv emerġenti fl-Iskola tal-Iġjene u l-Mediċina Tropikali ta’ Londra, qal li l-istudji ewlenin li qed iħarsu lejn il-bidliet ġenetiċi fil-virus tas-SARS-CoV-2 li jikkawżaw COVID-19 ma appoġġjawx l-idea li kien qed isir inqas b’saħħtu, jew li b’xi mod qed jiddgħajjef.

“B’informazzjoni miġbura minn aktar minn 35,000 ġenoma sħiħa tal-virus, attwalment m’hemm l-ebda evidenza li hemm xi differenza sinifikanti relatata mas-severità tal-marda,” qal f’kumment b’email.

Zangrillo, magħruf sew fl-Italja bħala t-tabib personali tal-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, qal li l-kummenti tiegħu kienu appoġġjati wkoll minn studju mmexxi minn xjenzjat kollega tiegħu, Massimo Clementi, liema studju Zangrillo qal li se jiġi ppubblikat il-ġimgħa d-dieħla.

Zangrillo qal lil Reuters: “Aħna qatt ma għedna li l-virus inbidel, iżda li għedna kien li l-interazzjoni bejn il-virus u l-ospitant inbidlet b’mod definittiv.”

Huwa qal li r-raġuni għal dan tista’ tkun jew minħabba karatteristiċi differenti tal-virus li għadhom ma ġewx identifikati, jew għal karatteristiċi differenti f’dawk infettati.

L-istudju ta’ Clementi, li huwa direttur tal-laboratorju ta’ mikrobijoloġija u viroloġija ta’ San Raffaele, qabbel kampjuni ta’ virus minn pazjenti COVID-19 fl-isptar ibbażat f’Milan f’Marzu ma’ kampjuni minn pazjenti li ġarrbu l-istess marda f’Mejju.

“Ir-riżultat ma kien ambigwu xejn: sibna differenza estremament sinifikanti bejn it-tagħbija virali ta’ pazjenti ammessi f’Marzu meta mqabbla ma’ dawk ammessi x-xahar li għadda,” qal Zangrillo qal.

Oscar MacLean, espert fiċ-Ċentru ta’ Riċerka Virali fl-Università ta’ Glasgow qal li kwalunkwe ammissjoni li l-virus qed jitlef mis-saħħa tiegħu “la hija sostenuta b’studji xjentifiċi u lanqas fuq livell ta’ ġenetika.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn