WHO tisħaq għal ‘għassa estrema’ waqt ħruġ mil-lockdowns

Koppja anzjana lebsin maskra tal-wiċċ mexjin f’triq immarkata apposta sabiex tinżamm id-distanza soċjali, matul il-ħinijiet meta l-anzjani jistgħu joħorġu barra, hekk kif il-coronavirus (COVID-19) għadha qed tinfirex, f’Barċellona, Spanja, 11 ta’ Mejju, 2020. REUTERS/Nacho Doce

Read in English.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qalet li għandu jkun hemm “għassa stretta” waqt il-ħruġ mil-lockdowns. Dan hekk kif ħafna pajjiżi bdew jippruvaw joħorġu mill-lockdowns li kienu ġew imposti sabiex tkun kontrollata l-firxa tal-coronavirus.Dan minħabba li hemm tħassib li jista’ jkun hemm it-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet.

Aktar kmieni, il-Ġermanja rrappurtat żieda f’infezzjonijiet ġodda wara li kienet bdiet twettaq l-ewwel ftit passi sabiex ittaffi l-lockdown. Il-Korea t’Isfel, pajjiż ieħor li kien irnexxielu jillimita l-infezzjonijiet tal-virus, reġa’ ra mewġa ta’ infezzjonijiet kawża ta’ nightclubs.

“Issa bdejna naraw ftit tama hekk kif ħafna pajjiżi bdew ħerġin minn dawn il-lockdowns,” qal Dr Mike Ryan, Kap tal-Programm ta’ Emerġenza ta’ WHO waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet online. Iżda żied jgħid ukoll li għandu jkun hemm “għassa estrema.”

“Jekk il-marda tippersisti fuq livell baxx mingħajr l-opportunità li nistħarrġu u ninvestigaw clusters speċifiċi, dejjem se jkun hemm riskju li l-virus jerġa’ jfaqqa,” qal Dr Ryan.

Gvernijiet madwar id-dinja qed jippruvaw isibu tarf ta’ kif l-aħjar jerġgħu jiftħu l-ekonomiji tagħhom filwaqt li jiggarantixxu kontroll ta’ COVID-19, il-marda tal-pulmun kawżata minn dan il-coronavirus ġdid.

Ryan qal li qed jittama li l-Ġermanja u l-Korea t’Isfel jirnexxielhom jikkontrollaw clusters ġodda u faħħar il-mod kif qed iżommu għassa, li skond hu, għenet sabiex tkun evitata t-tieni mewġa ta’ din il-pandemija.

“Huwa importanti li nħarsu lejn dawn il-pajjiżi bħala eżempju għall-mod kif ippreferew li jiftħu għajnejhom u li jridu jibqgħu b’għajnejhom miftuħin,” huwa qal. 

F’kuntrast ma’ dawn, huwa qal li hemm pajjiżi oħrajn, mingħajr ma semma min huma, li “qed jippruvaw jgħaddu minn din is-sitwazzjoni b’għajnejhom magħluqa.”

Waqt l-istess konferenza ta’ l-aħbarijiet, id-Direttur Ġenerali ta’ WHO Tedros Adhanom Ghebreyesus qal li t-tneħħija ta’ restrizzjonijiet hija xi ħaġa “kumplessa u diffiċli” u li “t-tneħħija bil-mod ta’ dawn il-lockdowns” hija kruċjali sabiex jingħata ħarsien lill-ħajja tan-nies.

Tedros qal li l-Ġermanja, il-Korea t’Isfel u ċ-Ċina, li rrappurtat cluster ġdid fl-epiċentru oriġinali ta’ Wuhan, kollha għandhom sistemi f’posthom sabiex ikunu jistgħu jirrispondu f’każ li jerġa’ jkun hemm żieda ta’ każi ġodda.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn