WHO: Se jmutu iktar nies fl-2021 jekk ma nitgħallmux mill-iżbalji tal-2020

Read in English.

Bħala għada sena kien instab l-ewwel cluster ta’ nies li nstabu li kellhom tip ġdid tal-coronavirus, li iktar tard ġie mlaqqam bħala SARS-CoV02, li wassal għall-pandemija tal-Covid-19.

Fl-ewwel anniversarju minn din l-iskoperta u biex inħarsu lejn it-triq ‘il quddiem, id-Direttur Ġenerali tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) Dr Tedros Adhanom Ghebreyesus rrekordja messaġġ fejn fih appella biex il-pubbliku jibqa’ jsegwi l-miżuri ta’ iġjene pubblika b’mod strett u jieħu l-miżuri bis-serjetà.

Ghebreyesus qal li biex id-dinja tkompli ssalva l-ħajjiet jeħtieġ li jintesew id-differenzi politiċi bejn il-pajjiżi u li dawn jaħdmu flimkien f’kollaborazzjoni u solidarjetà. Huwa stqarr li għas-sena d-dieħla għandna għażla waħda imma importanti x’nagħmlu – jew li nitgħallmu mill-iżbalji ta’ din is-sena biex ikunu salvati iktar nies, inkella li ninjoraw kull ma’ ġara u kaġun t’hekk imutu iktar nies fl-2021 kawża tal-Covid-19.

Fil-messaġġ tiegħu huwa qal li għalkemm il-pandemija xterrdet b’rata mgħaġġla ħafna madwar id-dinja, waslet ukoll għall-kreazzjoni u żvilupp ta’ l-iktar vaċċin u ħidma maqgħuda ta’ rispons rekord u solidarjetà fl-istorja tad-dinja.

Ghebreyesus qal li l-vaċċini huma għodda importanti ħafna biex nikumbattu l-pandemija, madanakollu huwa qal li l-vaċċin jeħtieġ li jasal f’kull pajjiż, mhux biss dawk li jaffordjaw li jħallsu. Din se tkun l-sifida għas-sena 2021, sostna d-Direttur Ġenerali tal-WHO.

Huwa qal li d-dinja jeħtieġ li tibqa’ taħdem b’mod maqgħud u tiżviluppa x-xjenza biex tkun preparata għall-pandemija li jmiss, filwaqt li tkompli tirrealizza l-importanza tal-miżuri ta’ iġjene pubblika u ssegwihom għall-ġid ta’ kulħadd. Fost il-miżuri li rridu nibqgħu nsegwu, skont Ghebreyesus, hemm l-ilbies tal-maskri, li tinżamm id-distanza soċjali u li jkunu evitati attivitajiet tal-massa ġewwa.