Whistleblowers tal-Gvern għandhom jikxfu ma’ fergħat indipendenti – Casa

Il-Membru tal-Parlament Ewropew (MPE) Nazzjonalista David Casa qal li l-whistleblowers fl-ogħla livelli tal-Gvern għandhom jippreżentaw l-informazzjoni li jkollhom lil korp fi ħdan il-ġudikatura li jkun awtonomu mill-Gvern.

Fi stqarrija Casa qal li l-korp “għandu jkun kompletament awtonomu minn fergħat oħra tal-Gvern, u għandu jkollu s-setgħa li jipprovdi lill-persuni li jirrappurtaw il-protezzjoni fiżika u legali, u jieħu kull azzjoni meħtieġa biex jassigura li l-ksur jiġi investigat bir-reqqa, u l-persuni konċernati jitressqu quddiem il-ġustizzja.”

Casa qal li dan il-korp għandu jkollu l-poteri neċessarji biex jieħu azzjoni u jipprovdi l-protezzjoni. “Irridu nassiguraw li ma jkunx hemm ċirkostanzi fejn whistleblower ma jingħatax il-protezzjoni mill-istess nies li l-informazzjoni li trid tinkixef tista’ tinkriminahom” qal Casa. Qal li l-liġi ġiet abbużata f’Malta meta nkixfu affarijiet fuq dawk fl-ogħla livelli tal-poter.

David Casa hu l-kelliem tal-Grupp tal-PPE dwar il-liġi tal-whistleblowers fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali. Il-proposti ta’ Casa ġew addottati fil-Kumitat din il-ġimgħa fi Brussell. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-pożizzjoni tal-Kumitat EMPL issa tmur fir-rapport li qed jiġi abbozzat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li mbagħad tkun il-bażi għall-Parlament Ewropew biex jidħol f’negozjati mal-Kunsill. Skont Casa, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tinsisti li l-whistleblowers jirrappurtaw il-ħażin u l-illegalitajiet permezz ta’ metodi li jkunu diġà identifikati.

F’Awwissu, Jonathan Ferris, eks spettur u eks impjegat tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) ġie interrogat fid-depot tal-Pulizija fil-Furjana għal madwar tliet sigħat.