Whistleblowers: Malta fit-tieni post imma bl-ebda punti fit-trasparenza

Filwaqt li Malta kklassifikat fit-tieni post fost il-pajjiżi Ewropej fejn jidħlu liġijiet tal-whistleblowers, ġie nnutat li Malta ma tiżvelax informazzjoni dwar is-sistemi li hemm fis-seħħ b’rabta mal-whistleblowers. Dan hekk kif ma ħadet l-ebda punt dwar it-trasparenza, statistika u rappurtaġġ.

F’rapport ippubblikat mill-Għaqda Blueprint for Free Speech intqal li l-protezzjoni mill-Prosekuzzjoni fil-liġi tal-protezzjoni tal-whistleblowers ta’ Malta hija fost dawk bl-aktar poter fid-dinja.

Fuq is-sit tagħha, l-għaqda tgħid li tipprovdi riċerka u analiżi favur id-dritt tal-espressjoni tan-nies kollha. Ir-rapport inkiteb minn Mark Worth li huwa d-direttur taċ-Ċentru Ewropew għad-Drittijiet tal-Whistleblowers (ECWR).

Il-liġi f’Malta tgħid li whistleblower li jagħmel “protected disclosure” ma jistax jiġi mħarrek b’mod ċivil jew kriminali talli jkun provda informazzjoni. Ir-rapport jgħid li madwar id-dinja ħafna whistleblowers li żvelaw każijiet kbar ta’ korruzzjoni ffaċċjaw investigazzjoni kriminali huma stess. Jgħid li Malta u l-Irlanda huma l-unika żewġ pajjiżi li jilħqu l-istandards tal-protezzjoni mill-prosekuzzjoni.

F’Malta persuna tista’ teħel tliet xhur ħabs jew multa sa €1,200 jekk tipprevjeni persuna milli tagħmel rapport, jew talli thedded lill-familja tal-whistleblower. Ir-rapport jgħid li Malta hija fost tmien pajjiżi li tat ir-responsabbilità li tirċievi rapporti ta’ whistleblowers. Madanakollu, Malta m’għandhiex aġenzija speċjalizzata.

Ir-riżultat ta’ Malta:

Proviżjonijiet speċifiċi4/4
Diversi channels għal disclosure2/3
Tipi ta’ protezzjoni kontra r-retaljazzjoni3/3
Mekkaniżmi għal protezzjoni kontra r-retaljazzjoni1/3
Tipi u mekkaniżmi ta’ relief1/3
Immunità minn liġijiet ta’ segretezza3/3
Sanzjonijiet għal tipi differenti ta’ vjolazzjonijiet1/3
Aġenzija speċifika għall-whistleblowers1/2
Trasparenza, statistiċi, u rappurtaġġ0/3

 

F’reazzjoni għar-rapport, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici qal li r-riżultati juru l-impenn ta’ Malta f’dan is-settur. Enfasizza li Malta qiegħda fuq quddiem fil-promozzjoni tar-rispett lejn il-liġijiet.

F’Ġunju l-Qorti fil-Greċja qalet li l-whistleblower ta’ Pilatus Bank Maria Efimova tkun f’periklu jekk tkun estradita lejn Malta.

F’Awwissu, waqt li l-Pulizija ċaħdet li heddet lill-whistleblower Jonathan Ferris, wieħed mill-avukati tiegħu ppubblika l-mandat ta’ arrest li l-Maġistrat tal-Għassa ffirmat jumejn qabel ma ġie kkuntattjat Ferris għall-interrogazzjoni.

L-avukat ta’ Ferris qal li ġie mistoqsi dwar ix-xhieda li ta waqt li kienet għaddejja l-inkjesta maġisterjali dwar il-kumpanija Egrant. Huwa rrepeta dak li kien qal diġà qabel. Ferris għadu ma jafx jekk hux se jerġa’ jiġi msejjaħ mill-Pulizija.

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li “se jkun qed jiċħad” l-istorja li kienet tinvolvi lil  Joseph Cauchi, dak li kien qed jixli lil Anthony Debono, ir-raġel tal-eks Ministru Giovanna Debono. Il-Ministru Bartolo kien qed jirreaġġixxi għall-mistoqsija parlamentari li saret mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li staqsa jekk hux minnu li Cauchi kien għadu kif ingħata kuntratti għall-valur ta’ €500,000

Skont ir-rapport ta’ Blueprint for Free Speech, l-Irlanda tinsab fl-ewwel post.