Filmat: Dokumentarju dwar Daphne Caruana Galizia

Read in English.

Bħal-lum tliet snin inqatlet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-assassinju seħħ ftit lil hinn minn darha fil-Bidnija meta splodiet permezz ta’ bomba l-karozza li kienet qed issuq. Dan il-qtil brutali xegħel in-niċċa ta’ attiviżmu fi ħdan is-soċjetà ċivili u ta’ spinta lil ġurnaliżmu indipendenti li jfittex li jikseb tweġibiet veritieri dwar min tassew qatel lil Daphne Caruana Galizia. Dan kollu kien imnebbaħ minn xewqa li ssir ġustizzja mal-memorja ta’ Daphne u tal-familja tagħha.

Qatt qabel fl-istorja qasira tal-mixja demokratika f’Malta, ma kien hawn movement li ingħaqad b’mod daqshekk spontanju biex jisfida il-ħajt ta’ silenzju li nbena mill-awtoritajiet u dawk li kien jaqblilhom aktar li l-verità dwar daqn il-qtil qatt ma tara d-dawl tax-xemx.

‘When They Come Undone’ huwa dokumentarju imtella’ minn Repubblika, #occupyjustice u manueldelia.com, tlieta mill-ħafna entitajiet u individwi li jafu twelidhom mid-demm tal-ġurnalista maqtula. F’dan id-dokumentarju bosta jagħtu xhieda dwar kif is-soċjetà ċivili, ġurnalisti u ċittadini ingħaqdu biex wasslu għar-riżenja ta’ Joseph Muscat minn Prim Ministru u biex reġgħu middew sieq Malta fuq it-triq tal-verità u d-demokrazija.

Newsbook.com.mt qabel li jxandar dan id-dokumenarju flimkien ma media oħra f’simulcast li se jsir illum fit-tmienja ta’ filgħaxija. Aħna kburin li se nagħmu dan għax b’hekk inġeddu ukoll l-appoġġ tagħna lejn il-kampanja imġedda tas-soċjetà ċivili u lejn is-solidarjetà ġurnalistika li qed tissokta fit-tfittxija tagħha għall-kisba ta’ ġustizzja għal Deaphne Caruana Galizia u l-familja tagħha.