Whatsapp se toffri servizzi ta’ ħlasijiet diġitali

L-app ta’ messaġġi elettroniċi WhatsApp, li hija kumpanija sussidjarja ta’ Facebook Inc, qed tikkunsidra li tiddiversifika s-suq tagħha u tidħol fis-settur tal-ħlasijiet elettroniċi, fejn mistennija tesperimenta dan is-servizz għall-ewwel darba fl-Indja.
Whatsapp ħabbret li din is-sistema ta’ ħlasijiet minn persuna għal oħra tkun disponibbli fi żmien sitt xhur.
Il-fatt li Whatsapp qed tħares lejn l-Indja għat-tnedija ta’ dan il-programm, huwa indikazzjoni ċara li l-kumpanija eventawlment beħsiebha tespandi s-servizz globalment. Dan għaliex is-suq Indjan jilqa’ fih 200 miljun utent, 20% mill-biljun utent li komplessivament jużaw il-Whatsapp madwar id-dinja kollha.
It-transazzjonijiet diġitali fl-Indja splodew mill-bidu ta’ din is-sena wara li fl-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Gvern ipprojbixxa ċerti karti tal-flus ta’ valur għoli, li, dak iż-żmien, kienu jammontaw għal aktar minn 80% tal-valur fi flus fiċ-ċirkolazzjoni.
Ftit tal-ġimgħat ilu app Żvediża bl-isem ta’ Truecaller bdiet dan is-servizz ukoll, iżda l-qawwa tal-isem marbut mal-Whatsapp mistenni jkun determinanti fis-suċċess ta’ din l-avventura. Dan għandu jkun aħbar tajba għall-investituri f’din il-kumpanija, li minkejja l-popolarità enormi tas-servizz s’issa mhux dejjem għarfet tittraduċi din il-popolarità fi dħul u profitti akbar għall-industrija.
Amazon bi ftehim ambizzjuż fl-isport
L-espansjoni tal-kumpanija Amazon qed tkompli għaddejja b’ritmu mgħaġġel. Il-kumpanija, li diġà ddiversifikat f’bosta swieq li jmorru ferm lil hinn min-negozju tradizzjonali tagħha ta’ bejgħ onlajn, issa qed tidħol fil-qasam tax-xandiriet sportivi.
Dan wara li laħqet ftehim man-National Football League, l-isport ferm popolari fl-Istati Uniti tal-futbol Amerikan, biex tibda xxandar logħba fil-ġimgħa minn dan il-kampjonat permezz ta’ streaming. Dan il-ftehim sportiv ambizzjuż tħabbar fiż-żmien li Amazon qed tinvesti bis-saħħa fil-kontenut diġitali.
Għalissa, Amazon se xxandar għaxar logħbiet fl-istaġun, li se jkunu disponibbli onlajn għall-membri ta’ Amazon Primes. Il-logħob tal-Ħamis huwa mill-aktar popolari u ġeneralment jattira aktar minn 16-il miljun persuna fuq il-pjattaformi li jxandruh.
Għalissa, dan il-logħob xorta se jibqa’ jixxandar fuq it-televixin, iżda l-NFL qed tesperimenta metodi innovattivi biex tilħaq aktar utenti differenti, tant li s-sena li għaddiet laħqet ukoll ftehim biex numru ta’ partiti jixxandru b’mod streamed fuq Twitter. L-NFL qed tesperimenta kif se tilħaq b’mod partikolari udjenza żagħżugħa li ġeneralment tagħżel li ma tabbonax għall-cable.
Għall-kuntrarju, il-Prime membership, li tiswa 100 dollaru fis-sena, tista’ tħajjar aktar interess, speċjalment fost id-dilettanti sportivi.
Dan huwa l-ewwel ftehim ta’ dan it-tip ta’ natura viżwali għal Amazon, li iżda s-sena l-oħra daħlet ukoll fi ftehim mal-Bundesliga Ġermaniża għal xandiriet diġitali tal-awdjo tal-partiti tal-kampjonat.
Kemm Amazon kif ukoll l-NFL ma taw ebda dettall fuq il-valur ta’ dan il-ftehim.
Fl-aħħar, ftehim bejn Spotify u Universal
Wara xhur ta’ battalji legali u medjatiċi, l-app ta’ streaming mużikali Spotify laħqet ftehim ta’ liċenzjar multiannwali ma’ Universal, l-akbar record label fid-dinja. Dan il-ftehim se jfisser tnaqqis fl-ispejjeż għall-kumpanija hekk kif qed tipprepara li toħroġ ishma tagħha għall-bejgħ għall-ewwel darba.
Bħala parti mill-ftehim, Spotify se tippermetti lill-artisti biex jirrestrinġu l-album tagħhom għall-verżjoni bi ħlas għall-ewwel ħmistax wara li joħorġu. Dan il-kompromess intlaħaq wara snin ta’ tensjoni ma’ pop stars fosthom il-każ magħruf ma’ Taylor Swift li kienet irtirat il-mużika tagħha minn din l-app fl-2014. Il-kumpaniji mużikali xtaqu jillimitaw is-servizz b’xejn ta’ Spotify, li naturalment jiġġenera ferm anqas dħul għalihom mill-verżjoni bi ħlas.
Talli aċċettat din il-konċessjoni, Spotify se tħallas ferm anqas f’royalty fees, għal kanzunetti li jindaqqu minn fuq l-app tagħha. Dan huwa kruċjali għal Spotify li s’issa qatt ma rnexxielha tagħmel profitt, hekk kif qabel il-bejgħ tal-ishma qed tipprova tikkonvinċi lill-investituri li kapaċi tittraduċi l-ammont dejjem jikber ta’ utenti li għandha f’negozju sostenibbli.
Fix-xahar li għadda, Spotify laħqet il-50 miljun konsumatur fil-verżjoni bi ħlas, u minkejja dħul ta’ 1.95 biljun ewro, xorta ġarrbet telf ta’ 173 miljun ewro fl-2015. L-aktar spiża għaliha huma proprju r-royalty fees, li ammontaw għal 1.63 biljun.
Interessanti però, li Universal (bħal Sony u Warner, iż-żewġ record labels ewlenin l-oħra) kollha għandhom parti mill-kumpanija Spotify, u għalhekk hu fl-interess tagħhom li l-ewwel avventura ta’ Spotify fis-suq tkun suċċess.
Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel. 21493250. Tista' tirċievi l-artiklu b'xejn billi tibgħat imejl fuq info@mpmci.net
L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma pprovduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.