Wettaqna rivoluzzjoni siekta fil-kunsilli lokali – Stefan Buontempo

“Fl-aħħar xhur kienet għaddejja rivoluzzjoni siekta fil-qasam tal-gvern lokali” wara konsultazzjoni mar-residenti u dawk kollha nvoluti.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Kunsilli Lokali Stefan Buontempo waqt laqgħa għas-sindki u l-kunsilliera ta’ Malta u Għawdex organizzata mill-assoċjazzjoni tal-kunsilli lokali.
Is-Segretarju Parlamentari spjega li s-Segretarjat qabbad lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika biex jagħmel studju dettaljat mar-residenti dwar is-servizzi li joffru l-kunsilli lokali, is-servizzi ġodda li jixtiequ jaraw u  x’jaħsbu li għandhom ikunu l-prijoritajiet tal-Kunsilli Lokali. 
Barra minn hekk ħabbar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi ppublikat ir-rapport li ħareġ minn studju ieħor li sar mis-Centre for Expertise for Democracy and Governance Reform fi ħdan il-Kunsill Ewropew.
Stefan Buontempo qal ukoll li l-Gvern huwa determinat li jnaqqas il-burokrazija u jkun hemm simplifikazzjoni tal-liġijiet li jirregolaw il-ħidma tal-Kunsilli. Biex dan iseħħ se jiġi preparat pakkett ta’ emendi li fi żmien li ġej se jkun qed jitressaq għall-konsultazzjoni.
Semma wkoll li min-nhar it-Tnejn se jkun qed jingħata l-ewwel kors li jwassal għal diploma għas-Segretarji Eżekuttivi. Dan, qal Buontempo, għandu jsaħħaħ il-ħidma tal-Kunsilli Lokali.
Fl-aħħarnett saħaq li jinsab determinat li jaħdem biex il-lokalitajiet kollha jkollhom kunsilli aktar effiċjenti u viċin in-nies.  

Ritratt: DOI- Pierre Sammut