“Western” ta’ Alfred Sant l-aqwa ktieb ta’ novelli

Dr Alfred Sant ġie ppremjat fl-ewwel post fil-kategorija Novelli bil-Malti u bl-Ingliż tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2017 bin-novella tiegħu Western: bejn rakkonti, bejn divertimenti.
Fi stqarrija mill-SKS Publishers, Sant qal li jinsab kuntent u grat li Western ingħata dan ir-rikonoxximent. Huwa qal li investa ħafna ħsieb, xogħol u sigħat twal jaħdem fuq dan il-ktieb u xewqa tiegħu tibqa li jservi bħala ispirazzjoni għal kull min jaqrah.
Il-ktieb Western li ġie ppublikat minn SKS Publishers, jesplora temi differenti, fosthom l-avventura, l-imħabba, id-disprament, in-nostalġija u l-ambizzjoni.
In-novelli f’Western huma suċċessuri ta’ żewġ ġabriet ta’ novellu oħra, it-tnejn bestsellers ta’ Sant, Pupu fil-Baħar u Ċpar.
F’kumment fuq Facebook, iċ-Ċermen tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, qal li l-ktieb ta’ Sant rebaħ il-premju minħabba l-fatt li l-istejjer fil-ġabra Western huma kollha ta’ kwalità konsistenti.
Huwa kompla jgħid li huwa diffiċli ħafna li tikkompeti ma’ kittieb stabbilit bħal Sant.
Il-premjazzjoni saret ilbieraħ filgħaxija f’Kastilja.