“Werwer lil uliedi bis-sewqan, dagħa, kliem oxxen u tgħajjir”

Omm li uliedha jattendu l-iskola primarja ta’ Pembroke tkellmet ma’ Newsbook.com.mt dwar l-aġir kundannabbli tax-xufier tal-vann tal-iskola fil-konfront ta’ uliedha.

Jennifer* irrakkuntat kif nhar l-Erbgħa għall-ħabta tat-2.45pm irċeviet telefonata min-numru ma tafux u fuq il-linja tisma’ lil bintha ta’ għaxar snin "tibki u togħxa".

It-tifla, li kienet qed iċċemplilha mill-mowbajl ta’ omm tifla li tkun magħha fil-vann, qaltilha li hi u ħuha kellhom jinżlu mill-vann ‘il bogħod mid-dar minħabba li x-xufier werwirhom bis-sewqan, dagħa, kliem oxxen u tgħajjir.  

Bintha qaltilha kif minħabba s-sewqan sfrenat tax-xufier, ħuha li għandu disa’ snin ħabat rasu mas-saqaf tal-vann u beda jibki.

X’ħin ra hekk ix-xufier beda jgħajjar lit-tifel pulċinell.

Jennifer spjegat li minħabba dan l-aġir, it-tfal spiċċaw niżlu mill-vann tal-iskola meta kienu 20 minuta ‘l bogħod mid-dar, u li kieku ma kienx għal din l-omm li ħalliet lit-tifla ċċemplilha, kien ikollhom jimxuha waħedhom.

Qalet li ċemplet l-iskola biex tirrapporta l-każ, fejn qalulha biex tikkuntattja lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni.

Ħames minuti biss wara li ċemplet, ikkunttattjawha lura u qalulha li mill-għada x-xufier mhux se jkun assenjat dik ir-rotta.

Hawnhekk Jennifer ilmentat dwar il-fatt li dan se jkun ifisser li persuna perikoluża bħal dan ix-xufier, se tibqa’ tiġbor it-tfal tal-iskola. Qalet li bħalma x-xufier huwa ta’ periklu għal uliedha, jista’ jkun għal tfal oħra.

Minkejja dan kollu, dalgħodu l-omm saret taf li l-istess xufier għadu fuq ir-rotta tagħhom u meta ċemplet lid-dipartiment qalulha ‘agħtih ċans tal-aħħar’.

Hija qalet li uliedha ħajja waħda biss għandhom u li wieħed ma jistax jirriskja b'dawn l-affarijiet.

*Jennifer huwa isem fittizju

Ħalli l-kumment tiegħek hawn.