Wenzu Mintoff jinħatar Imħallef

Wenzu Mintoff inħatar Imħallef waqt ċerimonja li kienet ippreseduta mill-President ta’ Malta, Marie-Louise Coleiro Preca fil-preżenza tal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonniċi, il-Prim Imħallef Silvio Camilleri u l-Avukat Ġenerali Peter Grech.
Fl-ewwel diskors tiegħu, l-Imħallef Mintoff qal li l-indipendenza u l-imparzjalità se jkunu il-kejl tul il-ħidma tiegħu fil-Qorti.
Sostna li l-każi fil-Qorti mhux numru imma individwi u għalhekk huwa importanti li kull ġudikant jifhem li wara kull każ hemm bnedmin biċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom.
Huwa rringrazzja lill-familja tiegħu li dejjem urew l-appoġġ tagħhom tul il-karriera tiegħu.
Wenzu Mintoff ilu Avukat mill-1984.
Fid-diskorsi tagħhom il-President Coleiro Preca u l-Prim Ministru Joseph Muscat irrimarkaw kif m’għandhomx dubju li l-Imħallef Mintoff se jaqdi d-dmirijiet tiegħu fl-aħjar mod possibbli. 

Ritratt: DOI – Clodagh Farrugia O'Neill