Wenger mhuwiex se jirtira

Għalkemm Arsene Wenger ħabbar it-tluq tiegħu minn ma’ Arsenal wara li qatta’ 22 sena bħala l-kowċ tal-Gunners, huwa stqarr li l-karriera tiegħu għadha ma ntemmitx. Waqt konferenza stampa li ttellgħet qabel il-partita bejn Arsenal u Leicester, Wenger stqarr li rċieva bosta offerti. Madanakollu l-kowċ Franċiż tenna jgħid li għalissa l-prijorità tiegħu hija li jkompli jirsisti għall-ġid tal-klabb sakemm jintemlu l-kuntratt. Wenger ingħaqad ma’ Arsenal fl-1996 wara t-tkeċċija ta’ Bruce Rioch u taħt it-tmexxija tiegħu l-klabb rebaħ 3 kampjonati Ingliżi u 7 FA Cups. Luis Enrique, li bħalissa jinsab mingħajr ebda inkarigu wara li telaq lil Barcelona fl-2017, u Massimiliano Allegri ta’ Juventus huma fost il-kandidati biex jieħdu post Wenger.