“Wegħedt lil Dun Ġorġ li se mmur l-Etjopja; se nżomm kelmti”

Ben Arrigo, wieħed mill-membri tal-Kilimanjaro Challenge 12, kien wiegħed lis-saċerdot missjunarju Dun Ġorġ Grima li se jmur miegħu l-Etjopja u beħsiebu li jżomm kelmtu.

Ma’ Newsbook.com.mt Arrigo, li għandu 27 sena, qal li ilu jsegwi l-Kilimanjaro Challenge għal madwar 10 snin.

Dalgħodu saret konferenza tal-aħbarijiet dwar il-Kilimanjaro Challenge.

Press li kien wiegħed li jgħinu, Ben qal li se jżomm kelmtu u ħass li issa kien ħin opportun li jagħmel il-parti tiegħu.

Dun Ġorġ Grima miet f’Settembru tal-2017.

“L-aħħar ħaġa li qatt kont nobsor li nagħmel hija li nitla’ fuq muntanja” stqarr Arrigo.

Qal li l-għan tal-attività hija li tinħoloq aktar kuxjenza dwar it-tbatija li hemm fl-Etjopja.

Qal li għalkemm Kilimanjaro 12 tfisser ukoll avventura għat-tim ta’ din is-sena, l-attività hija biss parti żgħira mill-proġett sħiħ.

Mark Caruana, membru ieħor tat-tim, qal ma’ Newsbook.com.mt li jiltaqgħu kmieni kull nhar ta’ Ħadd għat-taħriġ qabel l-isfida propja. Spjega li t-taħriġ jinvolvi tliet sigħat mixi b’piż miżjud ta’ madwar 10 kilogrammi.

Il-parteċipant Daniel Deguara qal li kull parteċipant irid jiġbor ammont speċifiku ta’ flus b’mod individwali. Dawn il-flus imorru kollha biex jgħinu l-proġett.

Għal Mark Caruana l-akbar sfida għalih se tkun il-muntanja peress li din hija l-ewwel esperjenza tiegħu ta’ attività ta’ din ix-xorti.

Għal Daniel Deguara, l-akbar sfida se tkun l-altitude sickness. Qal li diġà kien tela’ ma’ muntajna qabel u stqarr li l-altitude sickness hija xi ħaġa li wieħed irid joqgħod attent minnha.

Persuna tista’ tbata mill-altitude sickness meta persuna titla’ malajr fl-għoli. Jista’ jkun li tibda taqta’ n-nifs.

Għal aktar dettalji dwar il-Kilimanjaro Challenge, tista’ tidħol hawn.